Għadd ta’ bliet ġewwa ċ-Ċina qegħdin jerġgħu jadottaw miżuri ta’ lockdown minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Minħabba dan, għadd ta’ negozji fiċ-ċentru kummerċjali ta’ Shanghai waqfu joperaw u dan hekk kif mistennija li jibdew testijiet tal-massa minħabba s-sottovarjant tal-Omicron magħruf bħala BA.5. Iċ-Ċina qiegħda ssegwi politika ta’ “żero Covid” u minħabba f’hekk l-awtoritajiet tal-pajjiż qegħdin jintervjenu minnufih biex iżommu l-każi baxxi kemm jista’ jkun. Iċ-Ċina qiegħda ssegwi din it-tip ta’ politika meta l-bqija tad-dinja qiegħda tipprova tgħix mal-virus.
Il-gvern Ċiniż qal li l-miżuri se jkunu qed isiru b’tali mod li l-impatt fuq l-ekonomija jkun wieħed minimu kemm jista’ jkun.
Fil-preżent tista’ tgħid li d-dinja kollha qiegħda tiffaċċja żieda fin-numri ta’ każijiet minħabba s-sottovarjant BA.5. Dan is-sottovarjant jidher li għandu l-abbiltà li jaħrab mill-protezzjoni tal-vaċċin.