Il-militar taċ-Ċina qal li kienu kostretti li “jimbuttaw lura” destroyer tal-Istati Unit wara li dan resaq qrib ħafna l-gżejjer Paracel fin-Nofsinhar tal-Baħar Ċiniż, żona li hija waħda kkontestata ħafna. Din kienet mossa li rrabjat ħafna liċ-Ċina u għalhekk kienet kostretta li tieħu azzjoni.
L-Istati Uniti ta’ spiss twettaq operazzjonijiet li ssejħilhom Freedom of Navigation Operations fin-Nofsinhar tal-Baħar Ċiniż li l-għan tagħhom huwa li “tisfida” r-restrizzjonijiet imposti miċ-Ċina fuq dan il-baħar. Min-naħa tagħha, il-qawwa Navali tal-Istati Uniti qalet li l-bastiment USS Benfold kien qiegħed ibaħħar f’ibħra liberi u dak li kien qiegħed jagħmel kien konsistenti mal-liġi internazzjonali. Min-naħa l-oħra ċ-Ċina qalet li l-bastiment Amerikan hedded is-sovranità Ċiniża u illegalment daħal fl-ibħra territorjali Ċiniżi qrib l-gżejjer Paracels – żona li hija kkontestata mill-Vjetnam u anke mit-Tajwan. Din iż-żona hija waħda importanti ħafna f’dak li huwa kummerċ hekk kif minnha jgħaddi xejn inqas minn $3 triljun ta’ kummerċ permezz ta’ vapuri kull sena.