Matul l-aħħar sigħat, iċ-Ċina wettqet iktar taħriġ militari qrib tat-Tajwan u dan hekk grupp ta’ legiżlaturi Amerikani żaru din il-gżira għal għarrieda u ltaqgħu mal-President Tsai Ing-wen.
Il-ħames leġiżlaturi Amerikani, immexxija mis-Senatur Ed Markey, waslu f’Taipei mingħajr mistenni tard il-Ħadd filgħaxija u wara l-laqgħa li kellhom ma’ Tsai huma qalu li l-gvern tagħha huwa kommess li jżomm l-istabbiltà. Iż-żjara ta’ dawn il-politikanti Amerikani segwiet iż-żjara kontroversjali li kienet wettqet l-Ispeaker tal-Kamra tar-rappreżentanti Nancy Pelosi iktar kmieni dan ix-xahar. Iż-żjara ta’ Pelosi xejn ma kienet niżlet tajjeb mal-awtoritajiet Ċiniżi.
Stqarrija maħruġa min-naħa tal-militar Ċiniż ikkonfermat li verament seħħ dan it-taħriġ u dawn qalu li dan sar biex iwaqqaf l-instabbiltà li l-Istati Uniti u t-Tajwan qegħdin joħolqu fl-Istrett tat-Tajwan. Min-naħa tiegħu l-Ministru tad-Difiża Ċiniż f’kumment separat akkuża lill-politiċi Amerikani li dawn kisru s-sovranità u l-integrità territorjali taċ-Ċina. Il-Ministru saħaq li din iż-żjara kixfet il-maskra tal-Istati Uniti – dik li toħloq l-instabbiltà u xxekkel il-paċi. Il-Ministru Ċiniż qal dan hekk kif iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala parti mit-territorju tagħha.