Iċ-Ċina wriet sinjali ta’ bidla fil-pozizzjoni tagħha dwar il-Covid-19 hekk kif taffiet xi restrizzjonijiet minkejja numri għoljin ta’ każijiet ta’ kuljum.
Għexieren ta’ distretti f’Shanghai u Guangzhou, bliet li raw każijiet li jiżdiedu, neħħew il-miżuri relatati mal-lockdown matul il-jum tal-Ħamis.
Il-Viċi Prim Ministru taċ-Ċina ħabbret ukoll li l-pajjiż kien qiegħed jaffaċċja “sitwazzjoni ġdida”. Dan qed iseħħ wara protesti tal-massa fil-pajjiż kontra l-politika tagħha ta’ zero-Covid.
L-inkwiet tqanqal iżjed wara nirien li żviluppaw fi blokka għolja fir-reġjun tal-Punent ta’ Xinjiang li qatel 10 persuni l-ġimgħa li għaddiet. Ħafna Ċiniżi jemmnu li r-restrizzjonijiet tal-Covid fit-tul f’din il-belt ikkontribwew għall-imwiet, għalkemm l-awtoritajiet qegħdin jiċħdu dan.
Dan wassal għal jiem ta’ protesti mifruxa madwar diversi bliet, li minn dak iż-żmien naqsu fost preżenza qawwija tal-pulizija.
Ir-restrizzjonijiet fi bliet kbar bħal Guangzhour twaqqdu ħesrem l-Erbgħa, sigħat wara lu l-belt rat protesti vjolenti li rriżultaw fi ġlied bejn il-pulizija u d-dimostranti. Ġie rrappurtat ukoll li komunità fil-kapitali Beijing ippermettiet ukoll li każijiet ta’ Covid b’sintomi ħfief jiġu iżolati fid-dar.
Bliet ewlenin oħra bħal Shanghai u Chongqing raw ukoll xi tnaqqis fir-regolamenti. Il-Viċi Prim Ministru Su Chunlan qalet li s-saħħa tal-virus li jikkawża l-mard kienet qiegħda tiddgħajjef.