Saturday, October 26, 2024

Iċ-Ċina tniedi b’suċċess l-ewwel missjoni spazjali biex tiġbor ġebel minn fuq il-qamar

Aqra wkoll

Iċ-Ċina nidiet b’suċċess missjoni fl-ispazju biex tiġi esplorata parti mill-qamar, bil-għan li ssir it-tielet pajjiż li tkun ġabret ġebel u materjal ieħor minn fuq wiċċ il-qamar.

Il-missjoni ambizzjuża għandha l-intenzjoni li tniżżel vettura spazjali f’żona tal-qamar magħrufa bħala Oceanus Procellarum u se jkollha l-għan li tiġbor materjal billi tħaffer sa seba’ piedi f’wiċċ il-qamar. Dan għandu jwassal biex tiġbor madwar żewġ kilogrammi ta’ ġebel u ħamrija.

Il-vettura spazjali se tkun qed tasal fuq il-qamar fi żmien tlett ijiem u se tibqa’ hemm għal jum lunari, l-ekwivalenti ta’ 14-il ġurnata fuq id-dinja.

Jekk il-missjoni tkun suċċess, iċ-Ċina ssir it-tielet pajjiż li jkun irnexxielha tikseb kampjuni ta’ materjal minn fuq il-qamar, flimkien mal-Istati Uniti u r-Russja.

Il-missjoni turi wkoll l-ambizzjonijiet taċ-Ċina fit-teknoloġija spazjali u l-isforzi tagħha biex issaħħa il-programm spazjali tagħha. Fil-fatt hija qed tittama li sal-2022 jkollha stazzjoni spazjali tagħha, u eventwalment tibgħat astronawti fuq il-qamar.

Sport