Tuesday, December 24, 2024

Iċ-Ċiniżi l-iktar li applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ċittadini miċ-Ċina kienu l-iktar li applikaw għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment li Malta nediet fl-2016.

L-aġenzija li tilqa’ applikazzjonijiet irċeviet s’issa 2,542 applikazzjoni b’70% kienu approvati, 10% rifjutati, 2% irtirati u l-kumplament għadhom pendenti.

Għalkemm il-parti l-kbira tal-applikazzjonijiet ġew miċ-Ċina kienet innutata  żieda fl-interess minn persuni mill-Afrika t’Isfel, it-Turkija, ir-Russja, il-Vjetnam, l-Indja u l-Lvant Nofsani.

Stħarriġ dwar l-impatt ekonomiku ta’ dan il-programm bejn l-2017 u l-2019 sab li sal-lum l-għoti taċ-ċittadinanza b’investiment ikkontribwixxa €24,250,000 lill-Fond Konsolidat.

Minnu joħroġ li 12% ta’ dawk li kisbu ċ-ċittadinanza xtraw proprjetà f’Malta b’investiment medju ta’ €510,000 mentri 88% għażlu li jikru bil-kirja medja tkun ta’ €14,000.

Bejn l-2017 u l-2019 il-programm iġġenera €49.98 miljun f’injezzjoni kapitali ta’ darba li minnhom 40% kien fl-2020.

L-effett fuq il-konsum ammonta għal €17.57 miljun fl-2019 biss mentri l-impatt ekonomiku fl-istess sena kien ta’ €18 miljun.

Il-programm ħoloq 136 impjieg ġdid dirett li jitilgħu għal 290 b’mod indirett l-aktar fil-finanzi u s-settur tal-informatika mentri l-impatt fuq il-proprjetà kien żgħir.

Il-Gvern aġġorna l-kriterji tal-programm fejn persuna li tapplika trid tikri trid trid tikri minimu ta’ €10,000 fin-naħa t’isfel ta’ Malta jew Għawdex jew €12,000 fil-kumplament tal-pajjiż inkella tixtri proprjeta b’minimu ta’ €300,000 fin-naħa t’isfel ta’ Malta jew Għawdex jew €350,000 fil-bqija.

L-applikanti huma obbligati li jżommu l-proprjetà li jixtru jew jikru għal ħames snin.

Huma jridu wkoll iħallsu tariffa ta’ €40,000 b’€10,000 malli jissottometu l-applikazzjoni u t-€30,000 fi żmien xahrejn mindu din tkun aċċettata.

Minbarra hekk iridu joħorġu €58,000 kontribuzzjoni jekk jikru jew €28,000 jekk jixtru proprjetà waqt li jridu jagħtu donazzjoni ta’ €2,000 lil għaqda filantropika, kulturali, sportiva, xjentifika, tal-annimali jew artistika.

Malta mhix l-unika pajjiż tal-UE li għandu programm simili bl-oħrajn ikunu l-Portugall, Spanja, l-Ungerija, il-Bulgarija, l-Awstrija, il-Latvja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Belġju, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda.

Ekonomija

Sport