Thursday, December 18, 2025

Iċ-ċittadini Ewropej iridu rwol aktar attiv tal-UE fil-qasam tal-housing

Aqra wkoll

Maġġoranza kbira taċ-ċittadini Ewropej jridu li l-Unjoni Ewropea tieħu rwol aktar attiv fil-ġlieda kontra l-affordabilità tal-housing, fuq bażi tal-prinċipju li l-aċċess għal dar għandu jkun dritt fundamentali ta’ kull persuna. Din kienet is-sejba ewlenija ta’ stħarriġ ġdid ikkumissjonat mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.

L-istħarriġ irrifletta l-frustrazzjoni tal-pubbliku għaż-żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-proprjetà madwar l-Ewropa, u ma’ dan, stennija qawwija li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jaġixxu b’mod aktar immedjat u deċiżiv. Fl-aħħar jiem, is-Sindku ta’ Barcelona, Jaume Collboni, iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala l-pandemija ta’ żminijietna.

Aktar minn 72% taċ-ċittadini Ewropej qalu li l-UE għandha taġixxi malajr biex tindirizza din il-kriżi, b’mod partikolari billi ssaħħaħ l-aċċess għall-housing għal persuni bi dħul baxx u medju. Huma esprimew appoġġ għal miżuri li jiġġieldu l-ispekulazzjoni fuq l-art u żieda tal-fondi Ewropej biex jinbnew aktar djar affordabbli.

Filwaqt li l-kirjiet fl-Ewropa għolew kważi b’25% meta mqabbla mal-2010, l-ispiża biex tixtri dar żdiedet b’50%. Dan qed iwassal biex aktar żgħażagħ jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom, ċifra li madwar il-kontinent issa laħħqet is-47%.

Il-Grupp tas-Soċjalisti qal li dawn is-sejbiet jirriflettu l-pożizzjoni ppubblikata dan l-aħħar dwar djar affordabbli u diċenti għal kulħadd, u għaldaqstant qed jappellaw għal investiment pubbliku massiv biex tiġi indirizzata l-problema ta’ prezzijiet li dejjem qed jogħlew kemm għax-xiri kif ukoll il-bejgħ ta’ proprjetà.

L-istess studju qed juri t-tħassib u l-konsgewenzi serji li din il-problema qed toħloq għall-poplu Ewropew, b’62% ta’ dawk li wieġbu jgħidu li jinsabu inkwetati fuq il-ħila tagħhom li jixtru u jżommu dar diċenti, filwaqt li 76% qalu li sar itqal għalihom li jixtru jew jikru proprjetà milli kien fil-ġenerazzjoni tal-ġenituri tagħhom. Saħansitra, persuna minn kull għaxra qalet li jkollha taqbeż ikla kultant biex ikollhom biex iħallsu l-kirja jew il-pagament tas-self lill-bank.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, is-Soċjalisti qed jappellaw għall-ħolqien ta’ fond ta’ €300 biljun għall-bini ta’ aktar akkomodazzjonijiet soċjali, protezzjoni akbar kontra żidiet eċċessivi fil-kirjiet, kif ukoll azzjoni fuq il-kirijiet lit-turisti għal ftit jiem.

Dan l-appell kien ukoll appoġġjat mill-alleanza Mayors4Housing, li tiġbor fi ħdanha rappreżentanti minn bosta bliet prinċipali Ewropej, fosthom Amsterdam, Ateni, Liżbona, Milan, Pariġi u Żagreb. Fl-appell tagħhom lill-istituzzjonijiet Ewropej, huma qalu li s-sitwazzjoni preżenti fis-settur tal-housing hija emerġenza soċjali li qed issaħħaħ l-inugwaljanzi, timmina t-tessut soċjali u f’ċertu każi ssaħaħħ is-sentimenti estremisti.

Il-Viċi President tas-Soċjalisti Gaby Bischoff qalet li dawn is-sejbiet “huma sejħa ċara għal azzjoni immedjata mill-UE”, u fakkret fir-rwol importanti li l-Grupp kellu biex il-problema tal-housing titpoġġa bħala priorità tal-ħidma tal-Unjoni, inkluż bil-ħolqien tal-ewwel Kummissarju Ewropew għall-housing u kumitat dedikat tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fis-settur.

L-istħarriġ twettaq minn Polling Europe fost aktar minn 4,150 persuna minn madwar is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport