Saturday, November 23, 2024

Iċċarata l-kwistjoni dwar xogħlijiet part time li jagħmlu membri tal-Korp

Aqra wkoll

Il-Police Officers’ Union ħabbret li l-Ministru tal-Intern, Byron Camilleri llum irrisponda għat-talba tagħha biex jikkjarifika dwar kummenti li għamel f’intervista fuq l-istazzjon nazzjonali. 

L-unjin qalet li l-Ministru speċifika li l-kummenti tiegħu marbutin mal-bżonn li ikun hemm aktar politiki ċari fil-Korp tal-Pulizija ma kinux biss rigward il-kwistjoni tal-part-time, iżda dwar diversi kwistjonijiet importanti fil-Korp. L-unjin qalet li l-Ministru eskluda li l-introduzzjoni ta’ dawn il-politiki se jwasslu għat-tneħħija ġenerali tad-dritt tal-membri tal-korp li jaħdmu xogħlijiet fuq bażi part time.

Rigward iċ-ċentralizzazzjoni tal-extra, il-POU qalet li l-Ministru stqarr li hu importanti li jkun hemm sistema li toħloq garanzija ta’ checks and balances biex jiġi eliminat kull abbuż possibbli. Qalet ukoll li l-Ministru stqarr li bħalissa l-amministrazzjoni għaddejja bil-proċess li tieħu rispons mid-distretti u mill-iskwadri biex jiġu indirizzati l-isfidi.

Il-Police Officers’ Union taqbel li miżuri li joħolqu checks and balances huma neċessarji, biss temmen li hemm elementi pożittivi mis-sistema attwali u dawn għandhom jiġu miżmuma.

Fil-ġranet li ġejjin se tkun qiegħda tressaq lista ta’ kwistjonijiet li qed joħolqu dubji fost il-membri tagħna, kif ukoll rakkomandazzjonijiet min-naħa tagħha. Bħal dejjem tħeġġeġ lill-membri biex jekk jixtiequ jagħmlu suġġerimenti jagħmlu kuntatt.

Sport