Il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, bl-għajnuna ta’ Aġenzija Sapport, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD), Dar il-Kaptan, u Service Dogs Malta Foundation organizzaw mixja kommemorattiva fl-Imtarfa biex jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità. It-tema magħżula din is-sena hija dik ta’ ‘Amplifying the leadership of persons with disabilities for an inclusive and sustainable future’.
Din il-mixja, li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, saret biex timmarka l-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità li se jkun qed jiġi ċċelebrat fuq livell internazzjonali nhar it-Tlieta, 3 ta’ Diċembru. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fil-komunità tagħna filwaqt li tiftaħ ġimgħa ta’ attivitajiet ippreparati mill-ministeru u l-entitajiet tiegħu, immirati biex iqajmu kuxjenza dwar l-inklużjoni f’pajjiżna.
Numru ta’ persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum ibbażati fil-komunità tal-Imtarfa attendew għal din il-mixja flimkien ma’ ħaddiema minn Aġenzija Sapport. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa hekk kif permezz ta’ din l-inizjattiva, għal sena oħra reġa’ laqqa’ lill-entitajiet u lill-membri tal-pubbliku fil-komunità sabiex ikompli jżid l-għarfien dwar l-importanza tal-inklużjoni. Dan ikompli jorbot ma’ dak li Aġenzija Sapport taħdem għalih sabiex tippromwovi u timplimenta permezz tas-servizzi u programmi li toffri.
Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif, “F’din il-ġurnata fil-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità, nikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħna biex nibnu soċjetà li tagħti valur u tagħti vuċi lill-persuni b’diżabilità. Flimkien irridu nkomplu nkissru l-ostakli, nisfidaw il-perċezzjonijiet u nippromwovu opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Dan huwa dak li bħala gvern determinati li nkomplu nagħmlu f’ħidmietna fiż-żmien li ġej.”
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) qed ittella’ żewġ konferenzi nazzjonali biex tfakkar din il-ġurnata: waħda f’Għawdex u oħra f’Malta fit-3 ta’ Diċembru. Iż-żewġ konferenzi ser iduru madwar it-tema ‘Id-Drittijiet Tiegħek, Il-Missjoni Tagħna’ u se jiffukaw fuq l-irwol tal-kummissjoni fis-soċjetà billi titqies il-perċezzjoni pubblika dwar il-kummissjoni u d-diżabilità b’mod ġenerali.
Matul il-ġimgħa li ġejja, il-kummissjoni se tniedi wkoll ir-Rapport tal-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs għas-sena 2023, li jinkludi ilmenti li rċeviet is-sezzjoni tal-investigazzjonijiet tas-CRPD minn persuni b’diżabilità li jħossuhom diskriminati fuq il-bażi tad-diżabilità tagħhom.
Dawn l-avvenimenti għandhom l-għan li mhux biss li jqajmu l-kuxjenza dwar id-diżabilità u ħidmet il-ministeru tul is-sena, iżda wkoll li jagħtu opportunità lill-pubbliku biex jinvolvi ruħu fis-settur tad-diżabilità b’mod dirett, bl-għan li s-soċjetà ssir kemm jista’ jkun aktar inklussiva.