Saturday, April 18, 2026

Iċċelebrat it-talent u s-suċċess tal-isportivi Għawdxin fil-Gozo Sports Awards 2026

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri tkellem dwar is-suċċessi u l-potenzjal qawwi tas-settur sportiv Għawdxi, filwaqt li faħħar il-ħidma kontinwa li qed issir biex l-isport f’Għawdex ikompli jissaħħaħ. Dan waqt is-serata tal-Gozo Sports Awards 2026, okkażjoni li matulha ġie ċċelebrat it-talent, id-dedikazzjoni u l-kisbiet tal-atleti, il-kowċis u l-voluntiera Għawdxin.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li naraw l-isport f’Għawdex jikber b’dan il-mod. Dan huwa riżultat dirett tal-impenn u d-dedikazzjoni tal-atleti tagħna, iżda wkoll tal-investiment li qed nagħmlu bħala Gvern biex noħolqu infrastruttura u opportunitajiet aħjar.” Hawnhekk semma li Għawdex ġie magħżul biex jospita l-laqgħa tar-rebbiegħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-International Island Games Association fl-2027, żvilupp li jikkonferma l-fiduċja internazzjonali fil-kapaċitajiet tal-gżira.

Il-Ministru enfasizza li dan is-suċċess huwa riżultat ta’ investiment sostanzjali fl-infrastruttura sportiva, fosthom il-Padiljun Sportiv u Akwatiku fir-Rabat Għawdex, li jinkludi pixxina Olimpika u faċilitajiet ta’ livell internazzjonali. Huwa fakkar ukoll li f’Ottubru tas-sena d-dieħla, Għawdex se jospita kompetizzjonijiet tan-netball u tat-triathlon fil-kuntest tal-Logħob tal-Commonwealth taż-Żgħażagħ. Barra minn hekk, riċentement fil-pixxina Olimpika tal-padiljun ġew organizzati għall-ewwel darba l-Artistic Swimming National Championships, li laqgħu 220 atleta u uffiċjali minn 17-il pajjiż.

Il-Ministru Camilleri rrimarka wkoll il-parteċipazzjoni b’suċċess ta’ Għawdex fil-International Island Games, wara li sar membru fl-2022 u ħa sehem fl-edizzjonijiet ta’ Guernsey 2023 u Orkney 2025, filwaqt li l-atleti qed iħejju ruħhom għall-edizzjoni tal-2027 fil-Gżejjer Faroe.

“Se nkomplu ninvestu fl-isport u fl-atleti tagħna, sabiex mhux biss inżommu dan il-livell iżda nkomplu ntejbuh. Il-proġett tat-trakka tal-atletika f’Għawdex se jkun pass ieħor konkret f’din id-direzzjoni għaliex, dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva u joffri opportunitajiet ġodda għall-atleti Għawdxin,” żied jgħid il-Ministru.

Matul is-serata tqassmu diversi premjijiet lill-isportivi u individwi involuti fl-isports li spikkaw matul is-sena li għaddiet. Ir-rebbieħa tal-Gozo Sports Awards 2026 kienu dawn:

• Uffiċjal tas-Sena – Noel Grech (Gozo Sailing Club)

• It-Tim tas-Sena – Victoria Hotspurs Football Club

• Kowċ tas-Sena – Timea Laskai (Colibri Academy)

• Rikonoxximent għal Atleta ’l fuq minn 45 sena – Raymond Spitieri

• Rikonoxximent għal Karriera Sportiva – Sean Michael Daly

• Rikonoxximent Speċjali (Special Olympics) – Guiseppina Galea

• Żagħżugħa Promettenti – Zia Fuji (Shamrock Stards Sports Club)

• Żagħżugħ Promettenti – Ryan Muscat (Malta Triathlon Federation)

• Sportiv tas-Sena – Charlton Debono (D Sports Lab)

• Sportiva tas-Sena – Georgiana Mifsud (Gozo Football Association)

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, il-Ministru għal Għawex u l-Ippjanar Clint Camilleri rringrazzja lill-atleti, il-kowċis, il-familji u l-għaqdiet sportivi għall-impenn tagħhom, filwaqt li feraħ lil dawk kollha li ġew ippremjati u awgura li l-isport f’Għawdex ikompli jikber u jiffjorixxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport