Monday, December 9, 2024

Iċċelebrati l-għaxar snin ta’ suċċess ta’ SportMalta

Aqra wkoll

Qed tittella’ Konferenza mifruxa fuq jumejn minn SportMalta bit-tema ‘Celebrating Sport in Malta 2024’ sabiex tiċċelebra l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħha, bit-trasformazzjoni ta’ entità ġdida minn dak li kien il-Kunsill Malti għall-Isport.

Waqt li kien qed jindirizza din il-Konferenza, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “Fl-aħħar snin rajna evoluzzjoni f’dak li tagħmel Sport Malta. Għaxar snin li matulhom rajna s-settur tal-isport jagħmel qabża ’l fuq, mhux biss bil-proġetti infrastrutturali, imma wkoll f’dik li hija għajnuna lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi, għajnuna diretta lill-atleti u sportivi imma wkoll bis-suċċessi tal-atleti u sportivi kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livell ta’ nazzjon.”

Il-Ministru Grima semma numru ta’ suċċessi fosthom l-investiment bla preċedent fi proġetti infrastrutturali li nbnew ġodda fuq livell internazzjonali u oħrajn li kienu riġenerati u li minnhom qed jibbenefikaw mhux biss dawk li jipprattikaw l-isport, imma wkoll il-pubbliku b’mod ġenerali. Huwa semma wkoll l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport, u s-suċċess f’diversi kompetizzjonijiet sportivi, fosthom dak tas-sena li għaddiet tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Il-Ministru Grima ddeskriva dawn il-Logħob bħala punt importanti minn fejn is-settur sportiv ta’ pajjiżna kompla jikber u jissaħħaħ.

Fid-diversi sessjonijiet li qed isiru waqt il-Konferenza hemm diskussjonijiet bl-involviment dirett ta’ dawk midħla ta’ diversi dixxiplini sportivi fosthom coaches, edukaturi tal-isport, studenti atleti u l-ġenituri tagħhom.

Il-Ministru Grima awgura aktar suċċess lill-atleti kollha fid-dixxiplini rispettivi tagħhom. Huwa qal li l-ħidma se tkompli għaddejja b’ritmu mhux biss għall-10 snin li ġejjin, imma anki għas-snin ta’ wara. “Din hija kollha ħidma li qed tkun ta’ benefiċċju għal dan is-settur – imma wkoll ħidma li qed tħalli legat għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna”, temm jgħid il-Ministru Grima.

Fid-diskors tiegħu, l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li fl-aħħar għaxar snin kemm it-tmexxija u l-ħaddiema tal-entità flimkien ma’ numru ta’ professjonisti kkontribwew għal dak kollu li kisbet l-entità f’dan iż-żmien.

Matul il-konferenza qed jipparteċipaw ukoll numru ta’ kelliema anki internazzjonali fuq suġġetti differenti nkluż kif l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 il-ġdida tħares lejn l-isport u l-attività fiżika; is-saħħa mentali u l-isport u temi oħrajn.

Għal din il-konferenza ġew Malta numru ta’ kelliema u esperti barranin, fosthom: Barbara Brennan – Mental Wellbeing Advocate; James Thoem – Gehl Associate; Greg Woods u Jason Lewis mill-World Rugby u Olivier Gudet mil-UEFA.

Ekonomija

Sport