Iceberg ġganteska, l-ikbar waħda fid-dinja, tinsab fuq korsa ta’ ħabta ma’ gżira remota Brittanika tal-Ġorġja t’Isfel. L-iceberg tinsab miexja lejn it-Tramuntana mill-Antartika u riesqa lejn il-gżira li hija kenn għall-ħajja selvaġġa. Jekk isseħħ din il-ħabta, potenzjalment tpoġġi l-pingwini u l-foki tal-lokal f’periklu kbir. Bħalissa tinsab biss 173 mil bogħod.
L-icebergs huma intrinsikament perikolużi. Madwar id-dinja grupp ta’ xjenzati, baħħara u sajjieda qed jiċċekkjaw b’ansjetà stampi u ritratti bis-satellita biex jimmonitorjaw il-movimenti ta’ kuljum ta’ din ir-reġina tal-icebergs.
Hija magħrufa bħala A23a u hija waħda mill-eqdem fid-dinja. F’Diċembru, kienet inqatgħet mill-kumplament tas-silġ u issa tinsab fuq vjaġġ b’veloċità mgħaġġla lejn katastrofi.
Darba, din l-iceberg kienet tkejjel 3,900 kilometri kwadri, iżda l-aħħar stampi bis-satellita juru li qed titmermer u titkisser bil-mod.
A23a m’hix l-ewwel iceberg enormi li qed thedded il-Gżejjer tal-Ġorġja t’Isfel u Sandwich. Fl-2004 iceberg imsejjaħ A38 li kien fuq il-blata kontinentali ħalla flieles tal-pingwini u frieħ tal-foki mejta fuq il-bajjiet hekk kif biċċiet tas-silġ kbar imblukkaw l-aċċess tagħhom għall-artijiet fejn kienu jsibu x’jieklu.
It-territorju tas-South Georgia huwa d-dar għal kolonji prezzjużi ta’ Pingwini Re u Imperatur u miljuni ta’ iljunfanti u foki tal-pil. South Georgia huwa sqaq tal-iceberg u għalhekk l-impatti huma mistennija kemm għas-sajd kif ukoll għall-annimali selvaġġi.
L-icebergs huma notorjament imprevedibbli u ħadd ma jaf x’jistgħu jikkawżaw.
Madankollu, m’huwiex maħsub li t-tisħin u t-tibdil fil-klima kien wara t-twelid tal-A23a billi din ffurmat tant snin ilu u ferm qabel ma bdew jogħlew it-temperaturi li issa qed naraw.
L-ilmijiet aktar sħan fit-tramuntana tal-Antartika qed iddewwbu u jdgħajfu l-irdumijiet vasti ta’ silġ għoljin sa 1,312 pied. Minħabba f’hekk icebergs ġganti huma parti mill-futur, hekk kif l-Antartika ssir dejjem aktar instabbli b’temperaturi sħan tal-oċean u tal-arja u biċċiet aktar vasti tal-folji tas-silġ se jinkisru u jgħumu fil-wiċċ tal-oċean.