Thursday, December 26, 2024

ICM tagħlaq il-proċess tal-evalwazzjoni għat-tagħmir u l-installazzjoni ta’ apparat għat-trażmissjoni tal-enerġija għat-tieni interconnector

Aqra wkoll

Il-proġett tat-tieni interconnector, magħruf ukoll bħala IC2, laħaq tragward importanti ieħor hekk kif ingħalqet l-evalwazzjoni għax-xiri u l-installazzjoni ta’ żewġ reatturi u transformer, wara sejħa pubblika għall-offerti u li wasslet sabiex AG Installations, ikunu rakkomandati illi jingħataw kuntratt li ser jiswa €20.3 miljun.


Dan il-proċess ser iwassal sabiex jiġi installat reattur fuq kull naħa tal-interconnector, jiġifieri f’Ragusa fi Sqallija u il-Magħtab, Malta. L-għan tar-reatturi huwa li jnaqqsu l-enerġija reattiva iġġenerata mill-kejbil taħt il-baħar u fuq l-art, u b’hekk itejbu l-effiċjenza fit-trażmissjoni tal-enerġija minn post għall-ieħor.

Apparti dan, minħabba li l-interconnector ser ikun qed jopera f’livell ta’ 220kV, ser ikun installat awtotransformer 220kV/132kV il-Magħtab biex jitnaqqas dan il-vultaġġ għal-livell meħtieġ in-naħa tal-konnessjoni Maltija.


Interconnect Malta (ICM), l-entità li qed tmexxi dan il-proġett, ippubblikat ukoll ir-raba’ tender. Dan jikkonsisti fil-fornitura u l-installazzjoni ta’ Switchgear 220kV, sistema ta’ suppressjoni tan-nar u l-kostruzzjoni ta’ firewalls f’Ragusa.

Ser tiġi aġġornata ukoll is-sistema ta’ kontroll tat-tagħmir kemm f’Ragusa u kif ukoll dik tal-Magħtab. L-istima ta’ dan it-tender hija ta’ €12-il miljun. F’Ġunju, ICM ippubblikat tender ieħor għall-manifattura u l-installazzjoni tal-kejbil ta’ taħt il-baħar, li jinkludu kejbils tal-fibra ottika li huma meħtieġa biex jittrażmettu d-dejta tal-monitoraġġ u l-kontroll tal-interconnector.

ICM tinsab ukoll fil-proċess biex tagħlaq l-evalwazzjoni ta’ tender ieħor li jifforma parti mill-istess proġett (IC2) għall-manifattura u l-installazzjoni tal-kejbils taħt l-art, kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja.

Dan ix-xogħol kollu qed isir filwaqt li l-proċedura tal-permessi għall-iżvilupp fl-Italja għaddejja ġmiela. Fil-fatt, il-ġimgħa li għaddiet, l-Amministrazzjoni Reġjonali għall-Ambjent ta’ Sqallija tat riżultat pożittiv għall-preżentazzjoni tal-screening report tal-proġett bħala parti mill-proċess tal-permess għall-iżvilupp tal-proġett li qed jiġi ikkoordinat mill-Ministeru Taljan għall-Ambjent u s-Sigurtà Enerġetika (MASE).

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli irringrazzjat lit-tim tal-proġett illi ħadem qatigħ sabiex ikun irrakkomandat l-għoti tal-kuntratt tar-reatturi u t-transformer, il-ħruġ tar-raba’ tender għall-switchgear, xogħol f’Ragusa u l-Magħtab u jintalaħaq progress sostanzjali fil-ħruġ tal-permessi fl-Italja.

ICM kellha tibda minn numru ta’ desktop studies, illi wasslu sabiex ikun sottomess project description statement (PDS) tal-proġett lill-awtoritajiet kompetenti. Dan il-PDS spjega n-natura tal-proġett, l-impatti possibbli u r-rotot alternattivi preliminari.

L-awtoritajiet kompetenti mbagħad ħarġu t-termini ta’ referenza għar-rekwiżiti ambjentali. Permezz ta’ diversi sejħiet għall-offerti, ICM ikkonkludiet ukoll l-istudji dwar l-impatt ambjentali (EIA), wara studji fuq il-post u ġbir ta’ informazzjoni, kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art.

Permezz ta’ dawn l-istudji u rapporti, l-awtoritajiet kompetenti kollha setgħu jipproponu miżuri ta’ mitigazzjoni li ġew integrati fl-applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp.

L-informazzjoni li nġabret u l-istudji li saru wara, kienu meħtieġa għad-disinn tal-inġinerija biex kumpaniji speċjalizzati jkunu jistgħu ifasslu u jipproponu l-aħjar rotta sabiex ICM ħarġet dawn is-sejħiet illi bħalissa jinsabu miftuħa għal min hu interessat biex jissottometti l-offerta tiegħu, jew qed jiġu evalwati. Barra minn hekk, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru, ICM irnexxielha tikseb fondi tal-UE biex parzjalment tiffinanzja l-proġett.

“IC2 huwa proġett ċentrali għall-viżjoni tal-enerġija tal-Gvern. Il-proġett mhux biss se jipprovdi tisħiħ ta’ wieħed mis-sorsi ta’ ġenerazzjoni iżda ser jippermetti wkoll lill-pajjiż itejjeb il-provvista tal-enerġija rinnovabbli lokali. Il-proġett se jippermetti lil Malta biex timxi lejn skala ikbar ta’ rinnovabbli, bħal dik offshore, peress li it-tieni interconnector ser ikun jista’ jassorbi l-intermittenza tar-rinnovabbli. F’dan il-mument, wara l-progress irreġistrat fil-proġett, l-għeluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tat-tender għar-reatturi u transformer, u s-suċċess fil-kisba ta’ fondi tal-UE, nixtieq nirringrazzja lill-uffiċjali fis-segretarjat u l-ministeru tal-MEER u t-tim tal-ICM għad-dedikazzjoni tagħhom fuq dan il-proġett,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-proġett tat-tieni interconnector se jara t-tqegħid ta’ kejbil AC ta’ vultaġġ għoli u ta’ tul ta’ madwar 122 kilometru, inkluża kejbil taħt il-baħar ta’ 99 kilometru, li se jgħaddi għall-art permezz ta’ żewġ proċeduri ta’ Horizontal Direction Drilling.

Dr. Inġ. Joseph Vassallo, kap tad-diviżjoni teknika ta’ ICM żied jgħid “Dan huwa pass importanti għall-proġett IC2 peress li se jwassal għall-bidu tal-manifattura tar-reatturi u transformer li jieħdu żmien twil biex ikunu lesti.

Wara l-intervent tal-Kummissjoni Ewropea biex taċċellera il-miri tal-enerġija rinnovabbli, id-domanda għal tali infrastruttura splodiet u żdied b’mod konsiderevoli l-ħin ta’ stennija għal dan it-tip ta’ tagħmir. Għaldaqstant, aħna kuntenti ħafna li attirajna kumpaniji rispettabbli biex jipparteċipaw fil-proġett tagħna.

Il-proġett huwa wieħed kumpless li jinvolvi ħafna ippjanar u koordinazzjoni bejn fornituri differenti billi fl-istess ħin, se jkun hemm xogħolijiet tat-tqegħid tal-kejbil għaddejjin kemm fuq l-art f’Malta u l-Italja, xogħolijiet offshore bi studji dettaljati u t-tqegħid tal-kejbil taħt il-baħar, xogħolijiet li jinvolvu s-sistema ta’ kontroll ġenerali u l-installazzjoni tat-transformer u r-reatturi,”.
Dan il-proġett qed jiġi ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm ta’ Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew 2021-2027.

Ekonomija

Sport