Saturday, November 23, 2024

Id-19 ta’ Mejju… il-ġurnata ddedikata għall-Inflammatory Bowel Disease

Aqra wkoll

Minn CHARLES PSAILA

X’inhi l-IBD?

IBD tfisser Inflammatory Bowel Disease u hi kundizzjoni kronika fil-musrana – il-mard infjammatorju tal-imsaren li jolqot is-sistema diġestiva u jikkawża infezzjoni fit-tubi tal-imsaren.

Hemm żewġ tipi ta’ IBD, waħda magħrufa bħala Chrons u l-oħra bħala Ulcerative Colitis. Minn fejn tiġi jew kif tiġi ħadd ma jaf, però ċerti studji juru li jew tkun problema ġenetika jew inkella l-persuna jkollha “immune disorder”. Fid-dinja hawn madwar ħames miljun persuna li għandhom din il-kundizzjoni, waqt li f’Malta, hawn ftit iżjed minn elf persuna.

Li jiġri hu li l-musrana tagħna tinfjamma u b’hekk dan jikkawża ħafna sintomi xejn pjaċevoli bħal uġigħ ta’ żaqq, deni, għejja ma’ ġismek kollu, diarrohea bid-demm, nuqqas qawwi fil-piż u nuqqas ta’ ġuħ. Barra minn hekk, ikollna nużaw t-toilet spiss, ħafna iżjed minn ħaddieħor. Fil-fatt, persuna bl-IBD tuża t-toilet bejn tlieta u għaxar darbiet kuljum. Ġieli wkoll ma jkunx jista’ jissaporti.

Għal din il-kundizzjoni għad m’hawnx kura. Kulma hawn hu tibdil fid-dieta tagħna, għax jista’ jkun li kultant il-gluten jew il-lactose jagħmlu s-sintomi agħar. Hawn ukoll mediċini li huma msejħa immune suppresants u biological medicines, kif ukoll steroids, li jgħinu biex l-infjamazzjoni tal-musrana tinżel. F’ħafna każi jirnexxilhom iżommu din il-kundizzjoni stabbli, però jkun hemm każi fejn dawn ma jkunux biżżejjed u ġieli l-pazjent ikollu jiġi operat u anke jagħmel il-borża – magħrufa bħala colostomy.

Problema kbira li naffaċċjaw aħna ta’ kuljum hi li ħafna nies minn barra jarawna b’saħħitna. Li ma jkunux jafu hu li minn ġewwa nkunu meqrudin, joħduna for granted għax aħna nidhru b’saħħitna, jaħsbu li qed nigdbu li għandna xi ħaġa jew inkella ma jifhmux il-gravità tal-kundizzjoni tagħna. Il-mediċina li nieħdu ma tgħinx lanqas. Hi diffiċli li nkunu attivi fil-ħajja ta’ kuljum u fid-dinja tax-xogħol.

Problema oħra li nsibu hi n-nuqqas ta’ ndafa fil-latrini pubbliċi, kif ukoll fit-toilets ta’ xi ristoranti. Hu inaċċettabbli li ninsabu fl-2020 u hawn Malta, sfortunatament, għad għandna toilets imkissrin, maħmuġin u mhux ta’ quddiem in-nies. Għalina, li toilet ikun nadif u f’kundizzjoni tajba jfisser ħafna, minħabba li nużawh ta’ spiss. 

Din il-kundizzjoni ġġib magħha wkoll stress, ansjetà u anke kultant dipressjoni. Dan minħabba li persuna dejjem se tkun anzjuża qabel ma toħroġ, tkun anzjuża hux se ssib toilet nadif fil-post li tkun sejra fih. L-istress, l-ansjetà u d-dipressjoni ovvjament ma jgħinux biex iżżomm il-kundizzjoni kkontrollata.

Il-mediċina li nieħdu aħna tgħinek minn banda, iżda tkissrek min-naħa l-oħra. Kif jgħid il-Malti “tħobb ħaġa u tobgħod oħra”. Il-mediċina li nieħdu aħna, kif għedt qabel, hi immune suppressant, allura aħna jkollna l-immune system tagħna batuta u ma tkunx biżżejjed f’każ li jkollna xi riħ jew xi infezzjoni. Fil-fatt, aħna iktar ta’ riskju li nlaqqtu xi marda. L-istess medicina tista’ tikkawża affarijiet oħra bħal li jibda jeħfief ix-xagħar, tonqos il-viżta, tħoss uġigħ fl-għadam, fil-muskoli u fil-ġogi.

Bżonn aktar għarfien u li tiġi rikonoxxuta bħala diżabilità

Aħna li nbatu minn din il-kundizzjoni nitolbu li jkun hawn iżjed għarfien dwarha, speċjalment fuq il-postijiet tax-xogħol. Xi ħaġa li nixtiequ hi li fejn hu possibbli, persuna bl-IBD, jiġi pprovdut it-teleworking – ovvjament il-persuna trid tipprovdi l-istorja medika tagħha biex ma jkunx hawn abbużi. Nixtiequ wkoll li jkun hawn iżjed toilets nodfa, kemm f’ristoranti kif ukoll dawk pubbliċi. Jista’ jkun hemm ukoll toilets apposta li jinfetħu mill-persuni li jieħdu ħsiebhom, kif hemm f’ċerti pajjiżi. Din il-kundizzjoni għandha tiġi meqjusa bħala diżabbilità wkoll, kif inhi meqjusa f’pajjiżi oħra madwar id-dinja. Tajjeb ukoll jekk ikun hawn aktar nies imħarrġa bħal psikjatri u dietoloġi, biex jgħinuna nikkumbattu din il-kundizzjoni. 

Nagħlaq billi nirringrazzja lid-Dipartment tas-Saħħa kollu, speċjalment lil dawk fis-swali tal-MOP u tal-MITU li dejjem jaraw li jkunu ta’ għajnuna għalina li nbatu mill-IBD.

Sport