Fil-jiem li ġejjin mistenni jinġieb Malta t-tielet suspettat bl-involviment fil-qtil doppju f’Tas-Sliema.
Jesper Kristiansen, li huwa Daniż, ħareb minn Malta lejn Spanja fejn kien arrestat u wara li tressaq fil-Qorti tal-pajjiż din laqgħet it-talba ta’ pajjiżna biex jiġi estradit ħalli l-Pulizija jkunu jistgħu jinterrogawh.
Il-Pulizija Maltija temmen li huwa kien it-tielet persuna involuta fil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski li nqatlu f’darhom fit-18 ta’ Awwissu li għadda.
It-tabib Malti ta’ 56 sena u s-sieħeb tiegħu, li kien ċittadin Ingliż ta’ dixxendenza Pollakka u kellu 30 sena nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar.
Dwar dan id-delitt għaddejjin proċeduri fil-Qorti żewġ barranin oħra, l-Albaniż Daniel Muka u l-Maċedonu Viktor Dragomanski.