IT-TBASSIR EKONOMIKU GLOBALI GĦAS-SENA 2026
Sitt snin wara li l-pandemija tal-Covid-19 ħarbtet l-ekonomiji tal-pajjiżi kollha, id-dinja għadha ma rritornatx għall-livell ta’ dinamika ekonomika li kellha qabel il-kriżi. Dan ħareġ mir-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti “Report World Economic Situation and Prospects 2026” fejn naraw kif minkejja li t-tkabbir globali mistenni jibqa’ pożittiv, dan qiegħed iseħħ fuq bażi aktar dgħajfa, aktar frammentata u aktar esposta għar-riskji milli fil-perjodu ta’ qabel l-2020.
Tkabbir globali ta’ 2.7% fl-2026 jista’ jidher aċċettabbli fuq il-karta iżda meta mqabbel mal-medja ta’ 3.2% ta’ qabel il-pandemija, naraw realtà ta’ ekonomija dinjija li qiegħda tiffunzjona taħt il-potenzjal tagħha. Din mhiex biss kwistjoni ta’ ċikli ekonomiċi, iżda sinjal ta’ bidliet strutturali aktar profondi li qegħdin ifasslu era ġdida ta’ tkabbir aktar kajman.
Reżiljenza quddiem sfidi serji
Wieħed mill-aktar elementi li jispikka huwa r-reżiljenza mhux mistennija tas-sena l-oħra, speċjalment quddiem żidiet qawwija fit-tariffi imħabbra u imposti mill-Istati Uniti kemm ilu li tela’ Trump fit-tmun. Din ir-reżiljenza kienet sostnuta minn konsum privat relattivament b’saħħtu u minn inflazzjoni li bdiet tonqos. Madankollu, dan ma jfissirx li l-problemi fundamentali ġew solvuti. Investiment batut, dejn pubbliku u privat għoli u spazju fiskali dejjem aktar ristrett qegħdin jillimitaw il-kapaċità tal-gvernijiet biex jintervjenu b’mod effettiv jekk l-ekonomija terġa’ tidħol f’fażi ta’ dgħjufija.
Il-kummerċ internazzjonali, li storikament kien il-mutur ewlieni tat-tkabbir globali, qiegħed jiffaċċja sfidi serji. Għalkemm fl-2025 wera reżiljenza sorprendenti, it-tbassir għal tnaqqis fit-tkabbir tal-kummerċ fl-2026 jindika li l-effetti ta’ tariffi ogħla, inċertezza politika u tensjonijiet ġeopolitiċi għadhom ma dehrux kollha. Id-dinja qiegħda tidħol f’fażi ta’ realinjament kummerċjali fejn l-effiċjenza globali qiegħda tiġi ssagrifikata favur konsiderazzjonijiet strateġiċi u ta’ sigurtà.
Sitwazzjoni differenti bejn il-pajjiżi… L-UE qed tbati aktar
L-istampa reġjonali tikkonferma din id-diverġenza. L-Istati Uniti qegħdin iżommu tkabbir relattivament sod iżda b’sinjali ta’ suq tax-xogħol li qiegħed jirtab. L-Unjoni Ewropea però, qiegħda tbati aktar, maqbuda bejn domanda esterna aktar dgħajfa u pressjonijiet ġeopolitiċi. Fl-Ażja, iċ-Ċina u l-Indja jibqgħu pilastri importanti tat-tkabbir globali, iżda anke hemmhekk it-tkabbir qiegħed jonqos gradwalment u qiegħed jiddependi dejjem aktar fuq interventi ta’ politika mmirati.
Għall-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw is-sitwazzjoni hija aktar delikata. Dejn għoli, spejjeż ta’ self elevat u xokkijiet klimatiċi dejjem aktar frekwenti qegħdin joħolqu sitwazzjoni perikoluża li tillimita kemm it-tkabbir kif ukoll il-progress soċjali. Il-fatt li l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli għadhom ’il bogħod għal ħafna pajjiżi juri li t-tkabbir ekonomiku, fejn jeżisti, mhuwiex jirriżulta f’titjib wiesgħa fil-kwalità tal-ħajja.
Naraw kif l-inflazzjoni, għalkemm qiegħda tonqos, tibqa’ fattur ċentrali fil-ħajja taċ-ċittadini. Prezzijiet għoljin tal-ikel, tal-enerġija u tas-servizzi essenzjali qegħdin ikomplu jnaqqru l-poter tax-xiri, speċjalment tal-aktar vulnerabbli. Dan joħloq sfida kumplessa għall-bankijiet ċentrali u għall-gvernijiet, li jridu jsibu bilanċ bejn kontroll tal-prezzijiet, tkabbir ekonomiku u stabbiltà soċjali.
L-AI: toffri tama imma anke riskju
F’dan il-kuntest, l-avvanzi b’ritmu mgħaġġel ħafna fl-Intelliġenza Artifiċjali (AI) joffru tama iżda wkoll riskju. L-investiment f’dan is-settur qiegħed joħloq pockets ta’ tkabbir qawwi iżda hemm il-periklu reali li l-benefiċċji jitqassmu b’mod mhux ugwali u b’hekk jissaħħu l-inugwaljanzi bejn pajjiżi u fi ħdanhom.
L-2026, għalhekk, aktar tidher li se tkun sena ta’ tranżizzjoni milli ta’ rkupru sħiħ. L-ekonomija globali mhiex fi kriżi, iżda lanqas mhi f’kundizzjoni ta’ saħħa robusta. Il-mistoqsija ewlenija mhiex jekk id-dinja hiex se terġa’ tqum fuq saqajha u tissaħħaħ, iżda kif u għal min. Mingħajr kordinazzjoni multilaterali aktar b’saħħitha, riformi strutturali kuraġġużi u investiment serju fil-kapaċità produttiva u fil-kapital uman, hemm riskju reali li tkabbir aktar bil-mod isir in-normalità l-ġdida.
Fi kliem ieħor, id-dinja għadha ma ġietx “f’postha” wara l-Covid-19. Il-pandemija mhux biss ħalliet feriti ekonomiċi iżda bidlet il-mod kif taħdem is-sistema globali. L-isfida għall-2026 u lil hinn hija li dawn il-bidliet ma jwasslux għal staġnar permanenti, iżda għal mudell ekonomiku aktar stabbli, aktar ġust u aktar reżiljenti.



