Saturday, December 21, 2024

Id-dar tal-anzjani tal-Imsida se titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid biex tilqa’ aktar anzjani

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jibda t-twaqqigħ tad-dar tal-anzjani tal-Imsida, li se tkun qed tinbena mill-ġdid u titkabbar biex tilqa’ fiha numru akbar ta’ anzjani.

B’investiment ta’ madwar €13.5 miljun, id-dar il-ġdida se tkun mibnija fuq sitt sulari. Huwa ppjanat li d-dar tkun tista’ tilqa’ l-ewwel residenti fiha lejn l-aħħar tas-sena 2025.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Farrugia qal li minkejja l-pandemija, il-gvern xorta waħda qed jinvesti biex jassigura li l-anzjani jkollhom l-aqwa livell ta’ kura meħtieġa.

Bħalissa qed jiġu evalwati l-offerti u proċeduri oħra marbuta mal-permessi tal-bini.

Dar Omm Sidna kienet ilha miftuħa mis-sena 1991 iżda qatt ma sar investiment kbir fiha. Il-bini mill-ġdid ta’ din id-dar għandu l-iskop li jipprovdi livell għoli ta’ servizzi ta’ kura lir-residenti, u d-dar se jkollha taħt l-istess saqaf is-servizzi essenzjali ta’ kura għall-anzjani.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li d-dar kienet takkomoda 64 resident iżda d-disinn mill-ġdid tagħha sar b’tali mod li se tkun qed toffri spazju għal 114 resident, jiġifieri żieda ta’ 50 sodda.

Huwa ħabbar ukoll li minbarra faċilitajiet tal-ogħla livell b’ambjent komdu u familjari għall-anzjani, dan il-proġett se jinkorpora miżuri ta’ enerġija effiċjenti.

Numru ta’ sodod tal-anzjani se jkunu qed jakkomodaw persuni li għandhom id-dimensja waqt li 44 sodda oħra se jkunu high dependency unit.

Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll kamra kbira tal-ikel u żona oħra għall-attivitajiet, uffiċċji u kmamar għal konferenzi u parkeġġ li se jkun taħt l-art u li jista’ jakkomoda mal-40 vettura.

Dawn il-faċilitajiet kollha huma regolarizzati mis-Social Regolatory Standards dwar il-ħarsien residenzjali għall-anzjani skont kif ġew ippubblikati mill-Awtorità tal-Istandards Ħarsien Soċjali f’Awwissu li għadda.

Is-servizzi li se jiġu pprovduti jinkludu servizz 24/7 ta’ nursing and caring li jinkludu wkoll servizzi ta’ clinical nutrition nurse, dietician, infection control nurses u tissue viability nurse, Allied Health Services (AHS), geriatrician u GP services, servizzi ta’ psikoterapija, hairdresser u servizzi ta’ sbuħija, servizzi pastorali u attivitajiet ta’ anzjanità attiva, servizzi fir-reception, tindif u ħasil tal-ħwejjeġ.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-ispiża kapitali tinkludi kemm il-bini tal-binja, kif ukoll il-finishes u l-investiment li sar fl-apparat speċjalizzat li se jkun qed itejjeb il-ħajja u l-bżonnijiet tal-anzjani.

Ekonomija

Sport