Friday, March 14, 2025

Id-darts nista’ ngħid li daħal f’ħajti bħal-leħħa ta’ berqa – Bradley Zerafa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn id-darts?

Id-darts nista’ ngħid li daħal f’ħajti bħal-leħħa ta’ berqa. Kelli kollega fuq ix-xogħol li jipprattika dan l-isport u kumbinazzjoni dak iż-żmien kien għaddej il-kampjonat tas-sajf ġewwa ċ-Ċentru Laburista tal-Ggura, il-lokal fejn ngħix jien, allura darba minnhom iddeċidejt li nitla’ sa ħdejhom biex nara ftit fiex jikkonsisti dan l-isport. U kif jgħid l-Ingliż: “the rest is history”!

X’suċċessi maġġuri ksibt f’dan l-isport sa issa?

L-unuri li l-aktar ħallew impatt fuqi personalment huma meta rbaħt il-Budapest Wheelchair Open 2022, fejn kont l-uniku parteċipant Malti, kif ukoll aktar riċentement meta f’Novembru li għadda, tlajt darbtejn fil-finali tal-Malta International Darts Open & Masters 2024, biex b’hekk ksibt it-tieni post fiż-żewġ kompetizzjonijiet. 

Kif tqis il-livell tad-darts f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell huwa tajjeb ħafna. Għandna diversi plejers li qed jippromettu, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna. J’Alla dan ikompli jsir u jkollna aktar għarfien fuq dan l-isport. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Sfortunatament, l-aċċessibiltá hija dik li hi, u ċerti każini fejn isiru l-logħob ma jkunx dejjem aċċessibbli għal min bħali juża s-siġġu tar-roti. Peró, m’għandi assolutament xejn xi ngerger għaliex kull darba li esprimejt ix-xewqa li nipparteċipa lokalment, dejjem sar dak kollu possibli biex dan ikun jista’ jsir.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l isport li tant tħobb?

Il-futur jidher wieħed pożittiv, fejn jekk Alla jrid beħsiebni nkompli naħdem qatigħ biex isem pajjiżna jibqa’ jissemma’ bħala kompetitur b’saħħtu fejn jidhol Para Darts u nżomm posti fost l-aqwa kompetituri li l-Wheelchair Para Darts għandu x’joffri. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fid-darts.

Li tagħmel karriera minn sport bħalma huwa d-darts sfortunatament mhuwiex daqshekk vijabbli minħabba l-fatt li jekk trid tikkompeti fuq bażi professjonali trid tagħmel sagrifiċċji kbar kemm fejn jidħlu finanzi kif ukoll minħabba l-fatt li tkun trid kontinwament issiefer, u allura tqatta’ ħafna ħin ‘il bogħod mill-familja. 

Biss jien dan l-isport nieħdu bis-serjetá, u minkejja li mhux fuq bażi full-time, nagħmel dak kollu possibli biex nikkompeti kemm nista’. 

Il-parir tieghi huwa wieħed, jekk int interessat tibda tipprattika dan l-isport ikkuntattja lill-Assocjazzjoni Maltija tad-Darts (MDA), u nassigurak li se ssib għajnuna kbira biex twitti t-triq tiegħek fi sport li jaf jispiċċa biċċa minnek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport