Saturday, November 23, 2024

Id-deċiżjoni finali tittieħed mill-Prim Ministru Robert Abela wara li jikkonsulta mal-PSC

Aqra wkoll

Avukati b’passat fil-Korp tal-Pulizija u pulizija li għadhom iservu fi ħdanu wieġbu għas-sejħa pubblika u applikaw għall-kariga ta’ Kummissarju.

Hekk kif il-11 ta’ Mejju kien ifisser l-għeluq tal-perjodu li fih il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) laqgħet in-nomini kienu wħud minnhom stess li ħabbru fil-pubbliku li applikaw għall-kariga.

Tnejn minnhom huma avukati b’passat fil-Korp, Herman Mula u Mary Muscat, waqt li l-Ispetturi Frankie Sammut u Sandro Camilleri huwa membri b’tal-ewwel avukat u t-tieni prokuratur legali.

L-Avukat Mula dam 18-il sena jservi bħala pulizija u flimkien mal-GWU qed jassisti lis-suldati tal-Iskwadra Marittima involuti fl-inkjesta dwar il-każ tal-immigranti.

Huwa anke għen fit-twaqqif tas-Simon Schembri Blue Light Foundation u fi Frar li għadda nħatar Integrity Officer tal-MFA.

L-Avukat Muscat damet 13-il sena sservi bħala spettur u għenet fit-twaqqif  tas-CMRU li hija t-taqsima responsabbli mill-komunikazzjoni tal-Korp.

Hija tħarreġ ukoll pulizija u anke tgħallem fl-Universita ta’ Malta waqt li bħala avukat tat-tfal tispeċjalizza fil-qasam tal-familja u t-tfal.

L-Ispettur Sammut huwa responsabbli mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni li tinvestiga każijiet ta’ barranin li jkunu daħlu Malta bla permess jew inkella li jippruvaw jaħarbu mingħajr awtorizzazzjoni.

L-Ispettur Camilleri serva għal diversi snin fil-POU-GWU fejn flimkien mal-unjin iddefenda l-interessi ta’ diversi pulizija.

Issa li rċeviet l-applikazzjonijiet l-PSC tibda biex tara jekk l-applikanti jkunux issodisfaw ir-rekwiżiti u jsirilhom dak li jissejjaħ ‘psychometric test’ biex jiġi stabbilit kemm persuna tkun f’saħħitha mentalment u karatteralment.

Wara jiġu msejjħa għal intervista fi grupp u oħra individwali qabel mal-ħames membri tal-PSC, li jinkludu membri mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, jagħżlu ż-żewġ kandidati li l-aktar jidrilhom xierqa għall-kariga.

Iż-żewġ ismijiet jiġu riferuti lill-Kabinett u dan jinforma lill-ministru responsabbli mill-Korp min jidhrilhom li l-aħjar.

L-istess ministru jirreferi l-isem identifikat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi iffurmat minn deputati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni biex f’seduta speċjali jkunu jistgħu jistaqsu lill-persuna dak li jridu u fl-aħħar jagħtu parir favorevoli jew le.

Id-deċiżjoni finali tittieħed mill-Prim Ministru Robert Abela wara li jikkonsulta mal-PSC.

Il-kariga se tkun għal 48 xahar, b’possibilita li tiġi estiża għal aktar perjodi, għalkemm min jinħatar se jkun suġġett għal 12-il xahar ta’ prova.

Din hija l-ewwel darba li l-Kummissarju tal-Pulizija se jiġi maħtur wara sejħa pubblika hekk kif matul is-snin dejjem inħatar mill-Gvern.

L-Oppożizzjoni kienet kontra din il-proċedura għax riedet li l-Kummissarju jinħatar bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-membri parlamentari.

Bħalissa l-Korp tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Aġent Kummissarju Carmelo Magri li ngħata r-responsabbilta jmexxih b’mod temporanju wara r-riżenja ta’ Lawrence Cutajar.

Sport