Friday, November 15, 2024

“Id-deċiżjoni li nagħmlu hedging biex nassiguraw stabilità ħalliet ir-riżultat għax roħsu l-kontijiet”

Aqra wkoll

L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li d-deċiżjoni li ħadu li jagħmlu hedging biex jassiguraw stabilità, kontra l-parir ta’ dak li qal li kienu farrku l-pajjiż b’kontijiet għolja, ħalliet ir-riżultat għax roħsu l-kontijiet, baqgħu irħas u kellna l-orħos kontijiet fl-Ewropa. Muscat qal li hekk faċilment nifhmu għaliex hemm min tilef ilsienu dwar l-enerġija.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Muscat qal: “Fi żmien meta konna qed nagħmlu l-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gas, il-Partit Nazzjonalista kien kontra li ssir Power Station ġdida minkejja l-benefiċċji ambjentali, ta’ saħħa u ekonomiċi. Kienu jgħidu li ma kellniex bżonnha u li ninqdew bl-interconnector biss.  Tant kemm kibret l-ekonomija fl-aħħar snin li mhux talli ma kellniex bżonn Power Station ġdida, talli diġa prattikament ilħaqna l-kapaċità sħiħa tagħha. Intqal ukoll li bl-interconnector konna niffrankaw €20 miljun fis-sena, figura skorretta għax min ikkalkulaha sfortunatament nesa jdaħħal u jamortizza l-ispiża kapitali.”

Żied jgħid: “Imbagħad għamlu karriera jgħidu li bil-ftehim tal-hedging li permezz tiegħu iffissajna prezz tal-gas mal-Ażerbajġan għal 5 snin, konna qed nitilfu l-flus. Bħal dak li ma jafx ir-regola sempliċi li tagħmel hedging bħala insurance biex tassigura stabilita fil-prezzijiet, u li l-aħjar li tagħmel ftehim bħal dan meta l-prezzijiet ikunu aktar baxxi milli aktar għoljin. U morna għand l-Ażerbajġan, l-istess pajjiż li issa l-Ewropa kollha qiegħda fil-kju tħabbatlu l-bieb.  Imma dawk jistgħu, aħna le.”

Muscat kompla jgħid: “Issa fl-aħħar xhur, dawk li kienu jikkritikaw donnhom tilfu ilsienhom u ma baqgħux jikkritikaw il-policy ta’ energy mix (PVs, LNG u interconnector). Tgħid għaliex ? Ir-risposta hija sempliċi jekk wieħed jagħmel kalkolu li qisu ħadd ma ftakar jagħmel. Jekk sempliċiment wieħed iqabbel dak li l-pajjiż ħallas fil-5 snin tal-ftehim tal-hedging ma dak li rieduna nħallsu billi nużaw biss l-interconnector, b’kollox huwa kkalkulat li bħala pajjiż iffrankajna €125 miljun.  Dawn huma taxxi u piżijiet iffrankati minn fuq il-familji u n-negozji.”

Ekonomija

Sport