Il-Fond Konsolidat tal-Gvern irrapporta defiċit ta’ €1.05 biljun bejn Jannar u Lulju li għadda. Dan ifisser żieda ta’ €925.9 miljun mid-defiċit ta’ €126 miljun li kienu rapportati matul l-istess perjodu tal-2019.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qalet li sal-aħħar ta’ Lulju li għadda d-dħul rikorrent tal-Gvern kien jammonta għal €2.106 biljun, li jfisser tnaqqis ta’ 20.2% mit-€2.638 biljun li kien rapportat matul l-istess perjodu s-sena li għaddiet.
L-ikbar tnaqqis kien reġistrat mit-taxxa tad-dħul b’€206.6 miljun.
Intant bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena, in-nefqa tal-Gvern żdiedet b’14.2% aktar mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet, u laħħqet it-€3.158 biljun.
Matul l-ewwel seba’ xhur tas-sena n-nefqa rikurrenti ammontat għal €2.573 biljun, żieda ta’ €200.1 miljun mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet, bl-akbar fatturi li kkontribwixxew għal din iż-żieda kienu l-€112.9 miljun rapportati taħt programmi u inċentivi.