Saturday, December 14, 2024

“Id-dejn se jkun inqas minn dak li ħabbarna fil-baġit” – Clyde Caruana

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana waqt li kien qed jindirizza l-Parlament meta kienet qed issir diskussjoni dwar l-Abbożż tal-liġi li jimplimenta Miżuri tal-Estimi fl-istadju tat-Tieni Qari, qal li kollox qiegħed jindika li d-dejn tal-pajjiż se jkun inqas minn dak li tħabbar fil-baġit.

Dan hekk kif fil-baġit intqal li d-dejn se jkun ta’ 60% filwaqt li kollox qiegħed jindika li se jkun 55% u dawk il-5% jfissru ħafna għal pajjiż.
Dwar id-defiċit il-Ministru Caruana qal li dak imħabbar fil-baġit kien li se jkun 5.8% u kollox qiegħed jindika li d-defiċit se jkun bejn 5.7% jew aħajr 5.6%.

Il-Ministru qal li l-Kummissjoni Ewropea f’komunikat mal-pajjiż membri nformathom li se terġa’ tibda ssus fuqhom biex id-defiċit ikun ta’ inqas minn 6%.

Il-Kummissjoni talbet lill-pajjiżi biex jippreżentaw pjan ta’ kif se jkunu qegħdin jirranġaw l-ekonomiji tagħhom biex kulħadd jerġa’ jibda jimxi mal-miżuri stabbiliti.

Waqt li kien qed jagħti rendikont tas-sitwazzjoni preżenti, il-Ministru qal li bilfors irid jitkellem dwar x’ġara fl-ekonomiji kemm waqt il-pandemija u anke waqt li issa għaddej il-konflitt bejn l-Ukranja u r-Russja.

Hu qal li meta l-ekonomiji kienu mexjin tajjeb faqqet il-pandemija u minħabba li miljuni ta’ persuni spiċċaw maqfulin f’darhom ma baqgħux jonfqu flus u għalhekk l-ekonomiji madwar id-dinja daħlu f’riċessjoni. Dan ġie rkuprat malajr hekk kif bdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet u n-nies bdew jonfqu.

Iżda imbgħad bdiet il-gwerra bejn l-Ukranja u r-Russja u għalhekk is-sitwazzjoni marret ħafna għal agħar fejn id-dinja bdiet tesperjenza inflazzjoni li qatt ma esperjenzat f’dawn l-aħħar 50 sena.

Fattur li wassal għal infalzzjoni kien li eluf kbar ta’ ħaddiema waqt il-pandemija marru lura lejn pajjiżhom u meta reġgħet bdiet il-produzzjoni ma kienx hemm nies biex jiproduċu u għalhekk il-prezzijiet għolew.

Fattur ieħor li wassal għal dan kien l-Unjoni Ewropea qabdet u qatet il-konsum tal-enerġija mir-Russja u għalhekk il-prezzijiet splodew.
Il-Gvern Malti għamel tajjeb għal dan iż-żidiet biex b’hekk il-familji ma jieħdux daqqa kbira u l-ekonomija tibqa’ miexja.

Ekonomija

Sport