Il-Partit Laburista qed ilaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Straordinarja li matulha qed jiddiskuti fost l-oħrajn żewġ mozzjonijiet importanti. Id-delegati tal-Partit Laburista llejla approvaw dawn iż-żewġ mozzjonijiet, li kienu diskussi matul dawn il-jumejn.
L-ewwel mozzjoni titratta numru ta’ emendi fl-istatut tal-Partit Laburista. L-emendi fl-istatut, li ġew approvati mid-delegati tal-Partit Laburista, juru li mill-Gvern, il-Partit Laburista qed ikompli għaddej bit-tiġdid biex jadatta u jibqa’ relevanti skont iż-żminijiet. Il-Partit Laburista għaraf il-ħtieġa ta’ dan biex isaħħaħ it-tmexxija, l-amministrazzjoni, l-istrutturi interni u l-għeruq tiegħu.
It-tieni mozzjoni li ġiet approvata mid-delegati titratta l-bidla tal-awdituri tal-Partit Laburista. Dan qed isir bil-għan li tkompli tissaħħaħ il-governanza u t-trasparenza fi ħdan l-istrutturi kollha tal-Partit. Il-Partit Laburista kien u ser jibqa’ kommess li ta’ kull sena, kif titlob il-liġi, jippreżenta l-kontijiet finanzjarji u r-rapport tad-donazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali.
Fil-qofol ta’ dan it-tiġdid, il-Partit Laburista dejjem żamm fiċ-ċentru tiegħu lill-attivisti, membri u delegati tal-Partit. It-tmexxija, kienet, għada u se tibqa’ dejjem viċin l-għeruq u ser tibqa’ żżomm il-bibien tagħha miftuħin beraħ.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja mistenni jintlaħaq għada bid-diskors tal-għeluq mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fis-6pm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun.