Matul l-ewwel xahrejn ta’ din is-sena d-dinamika globali ta’ protesti kompliet tinfirex. Il-ġlieda fit-toroq mhiex biss l-għajta għal talbiet minn ċittadini ta’ pajjiżi rispettivi iżda wkoll vuċi kollettiva kontra inġustizzji soċjali, korruzzjoni u gwerer. Dan b’impatt diplomatiku, politiku u uman li qiegħed jinħass fuq livell globali. L-iktar protesti li qegħdin jiġbdu l-attenzjoni kemm tal-midja, kif ukoll tan-nies madwar id-dinja, huma dawk fl-Iran, fejn qegħdin nassistu għal xenarju ta’ reżistenza interna u repressjoni brutali. Fiċ-ċentru tad-diskussjoni globali hemm id-drittijiet umani, l-interventi politiċi u t-talbiet għal-libertajiet fundamentali.
“Ix-xmara ta’ demm jaħraq li nxtered fix-xahar kiesaħ ta’ Jannar mhux se jieqaf ibaqbaq sakemm jinbidel il-kors tal-Istorja.” Sostna dan l-eks Prim Ministru tal-Iran, Mirhossein Mousavi, li jinsab taħt arrest fid-dar tiegħu mill-2011. Huwa qal dan il-kliem b’referenza għall-eluf ta’ ċittadini Iranjani li f’Diċembru u Jannar ħarġu jipprotestaw fuq skala nazzjonali u tilfu ħajjithom jew ġew feruti. Fil-fatt, skont stimi internazzjonali, in-numru ta’ vittmi fi ġlied li nqala’ bejn id-dimostranti u l-uffiċjali tas-sigurtà tal-istat Iranjan laħaq mat-30,000 persuna filwaqt li hemm irrapportat ta’ numru kbir ta’ nies li ġew arrestati u feruti.
Fil-qalba ta’ dawn l-protesti hemm talbiet għal-libertà soċjali, ekonomika u politika. L-Iranjani qegħdin jisħqu li hemm bżonn ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħhom, li l-inflazzjoni hija għolja wisq u li hemm inġustizzja soċjali. It-tensjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-gvern Iranjan eskalat f’ribelljoni li l-għan tagħha huwa li jsir tibdil profond fis-soċjetà.
Repressjoni brutali twassal għal reazzjoni internazzjonali
Ir-reazzjoni tal-awtoritajiet Iranjani kienet waħda ta’ vjolenza b’passi drastici inkluż waqfien totali tal-internet u użu ta’ forza letali. Fir-rigward, il-komunità internazzjonali hija maqsuma dwar kif għandha tirreaġixxi quddiem din il-brutalità fuq poplu li, bi dritt, jista’ jipprotesta u jitlob tibdil fejn iħoss li hemm bżonn.
L-Unjoni Ewropea, min-naħa tagħha kkundannat il-qtil u poġġiet fil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi proprju lir-Revolutionary Guard tal-Iran. Din id-deċiżjoni mill-Blokk Ewropew ittieħdet wara li kkonkludiet li dak li qiegħed jiġri fl-Iran huwa “kriminalità sistematika”. Pass ieħor li ħadet kien sanzjonijiet ġodda fuq individwi u korpi involuti fir-repressjoni taċ-ċittadini Iranjani.
Għaqdiet għad-drittijiet tal-bniedem u ħafna pajjiżi Ewropej jappoġġaw bil-qawwi li l-protesti jsiru f’rispett għall-ġustizzja u l-libertà. Mentri l-Istati Uniti, li diġà ħadet azzjoni militari u ħarġet twissija ta’ aktar, hija akkużata minn Tehran li “qiegħda tindaħal” fi kwistjonijiet interni. Issa l-awtoritajiet Iranjani qegħdin jibżgħu li attakk ġdid mill-Istati Uniti jerġa’ jqajjem is-sentiment ta’ ribeljoni fost il-poplu Iranjan bil-konsegwenza li jiħraxu l-protesti b’theddida lill-gvern.
Huwa rrapportat li f’laqgħat għolja, uffiċjali qalu lill-mexxej suprem Ayatollah Ali Khamenei li r-rabja tal-poplu minħabba t-tixrid tad-demm waslet fl-estremità li n-nies m’għadhomx iqisu l-biżgħa bħala deterrent b’konsegwenza li lesti li jitilfu ħajjithom biex ineħħuh mill-poter.
Użu ta’ teknoloġija u organizzazzjoni demokratika
Filwaqt li diversi protesti madwar id-dinja jkomplu jsiru fuq kwistjonijiet differenti (mil-libertajiet bażiċi għall-ġustizzja ekonomika u soċjali), il-protesti fl-Iran jirrappreżentaw l-akbar kriżi fl-aġenda globali tal-2026.
Ta’ min iseemmi li wieħed mill-elementi ċentrali fil-protesti moderni, inkluż fl-Iran, huwa l-użu ta’ pjattaformi diġitali biex jinfurmaw, jesprimu dissent u jorganizzaw mobilizzazzjoni fuq skala enormi. Dan jagħti lill-movimenti aktar flessibilità u kapaċità ta’ reazzjoni immedjata. Kien għalhekk li l-gvern Iranjan neħħa l-aċċess tal-internet liċ-ċittadini tiegħu.
Preżentement, għadu mhuwiex ċar jekk din ir-rabja interna hiex se twassal għal tibdil strutturali fil-gvern tal-Iran. Iżda, il-pressjoni internazzjonali u t-theddida ta’ intervent mill-Istati Uniti qegħdin iħassbu lill-mexxej suprem. Il-futur tal-poplu Iranjan, li b’kuraġġ u riskju qiegħed jiġġieled l-oppressjoni, għadu inċert.

