Sunday, November 24, 2024

Id-deprivazzjoni materjali u soċjali f’pajjiżna tibqa’ stabbli f’livelli baxxi u ferm anqas milli kienet fl-2013

Aqra wkoll

L-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali dwar l-Istatistika għall-2021 dwar id-deprivazzjoni materjali u soċjali juru li dawn baqgħu stabbli f’livelli baxxi minkejja l-pandemija u l-effetti tagħha.  Juru wkoll li minkejja l-pandemija, dawn in-numri huma sostanzjalment aktar baxxi milli kienu fl-2013.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ħa nota taċ-ċifri ppubblikati mill-NSO li huma bbażati fuq ir-rispons li ħareġ minn stħarriġ li sar fost 4,040 familja fl-2021, li kienu jikkonsistu f’10,110 persuna li minnhom 8,800 kienu fl-etajiet ta’ 16-il sena ‘l fuq.

L-istħarriġ huwa skont metodoloġija ġdida mnedija mill-Eurostat fl-2017, fejn id-deprivazzjoni materjali titkejjel skont 13-il indikatur. Persuna tkun meqjusa mċaħħda materjalment u soċjalment jekk ma taffordjax 5 mit-13-il indikatur, filwaqt li persuna titqies severament imċaħħda materjalment u soċjalment jekk ma taffordjax mill-anqas 7 indikaturi.

L-istħarriġ sar fi żmien meta Malta kienet għadha qed tiffaċċja l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija.  Minkejja dan, ir-rati ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali fl-2021 huma kważi fl-istess livell ta’ dawk li kien hemm qabel il-pandemija.

Fil-fatt, il-figuri jindikaw, li l-istess bħal qabel il-pandemija, 1 minn kull 10 persuni f’pajjiżna kien imċaħħad materjalment u soċjalment, filwaqt li l-għadd ta’ dawk li kienu severament mċaħħda materjalment u soċjalment kienu biss ta’ madwar wieħed minn kull 20 persuna tal-popolazzjoni.

Għalkemm l-indikatur li qed jintuża llum huwa aktar estensiv minn dak użat 8 snin qabel, fl-2013 xorta kien hemm kważi d-doppju ta’ nies li kienu jħossuhom imċaħħda materjalment jew imċaħħda materjalment severament minn affarijiet bażiċi u essenzjali.  

Fil-fatt fl-2013 kien hemm 1 minn kull 5 persuni tal-popolazzjoni li kienu jħossuhom materjalment imċaħħda filwaqt li 1 minn kull 10 persuni kienu mċaħħda materjalment severament.

Jekk wieħed imbgħad iħares lejn l-indikaturi ewlenin li jintużaw biex titkejjel id-deprivazzjoni materjali u soċjali, isib tnaqqis kbir u sostanzjali mill-2013 sal-lum, kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt.

Fost l-oħrajn jispikka t-tnaqqis fir-rata ta’ dawk li ma jifilħux iħallsu l-kontijiet tad-dawl u jsaħħnu darhom. Dan huwa frott il-politika ta’ prezzijiet stabbli tal-enerġija li ħaddan il-gvern matul l-aħħar snin. Din il-politika qed twassal biex, mentri madwar l-Ewropa kollha l-kontijiet tad-dawl għolew bi kważi 50 fil-mija, f’Malta dawn baqgħu stabbli.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li, “Bla dubju, l-impatt f’Malta ittaffa bis-saħħa tal-programm estensiv ta’ għajnuniet li l-gvern ta permezz ta’ skemi u miżuri li jgħinu lill-ħaddiema, familji u anzjani direttament, kif ukoll lin-negozji.”

Huwa fakkar ukoll li f’dan l-istess perjodu l-għadd ta’ nies qiegħda naqas għall-inqas livelli li qatt ġew irreġistrati, u l-istess sar fl-għadd ta’ benefiċjarji fuq l-assistenza soċjali.

“Minkejja dan, il-gvern se jibqa’ b’għajnejh u widnejh miftuħa beraħ u se jibqa’ jintervjeni bi skemi ta’ għajnuna skont il-ħtieġa”, sostna l-Ministru Falzon.

Huwa temm jgħid li l-maġġoranza tal-miżuri soċjali tal-Baġit tal-2022 diġà twettqu u għandhom iservu biex jgħinu lill-familji u pensjonanti Maltin, l-aktar dawk vulnerabbli.  Barra minn hekk, il-gvern qiegħed jaħseb li għaż-żmien li ġej, u kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali, ikompli jsaħħaħ il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali u se jieħu miżuri oħra biex ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet u d-dħul tal-ħaddiema fost oħrajn.

Sport