Saturday, December 14, 2024

Id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija onorata mill-Ambaxxata Amerikana

Aqra wkoll

Gwendolyn Green, Chargé d’Affaires fl-Ambaxxata tal-Istati Uniti, tat ġieħ lid-Deputat Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, Dr Alexandra Mamo, bħala r-riċevitur tal-“Ambassador’s Nominee for U.S. Secretary of State’s Women of Courage Award.”

Dan il-premju annwali jonora lin-nisa li wrew kuraġġ, impenn u tmexxija eċċezzjonali fit-titjib tal-ħajja ta’ ħaddieħor.  L-Ambaxxata tal-Istati Uniti għażlet lid-Deputat Kummissarju Mamo bħala r-riċevitur ta’ dan il-premju minħabba l-impenn eċċezzjonali u kuraġġuż tagħha lejn l-istat tad-dritt u l-infurzar tal-liġi f’Malta.

F’diskors qasir,  Green qalet li, “Bħala l-ewwel Deputat Kummissarju mara tal-Pulizija f’Malta, Alexandra Mamo fetħet triq għan-nisa żgħażagħ fi professjoni tradizzjonalment iddominata mill-irġiel.  Nawgurawlha kull suċċess fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ ir-rwol tal-pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità, il-korruzzjoni, il-vjolenza, u l-abbuż.”

Id-Deputat Kummissarju Mamo min-naħa tagħha qalet, “Nemmen li l-uniku mod kif twettaq ħidma importanti huwa li tħobb dak li tagħmel… Jiena kuntenta li qed nagħmel dak li nħobb, naqdi u nipproteġi lill-komunità tagħna u lil pajjiżi.”

L-Ambaxxata tal-Istati Uniti u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta jgawdu minn koperazzjoni eċċellenti, li tipprovdi opportunitajiet għal taħriġ u sforzi kollaborattivi biex tiġi miġġielda l-kriminalità reġjonali u internazzjonali.

Fost dawk li rċevew il-premju Ambassador’s Nominee for Women of Courage fis-snin li għaddew hemm: il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera,  Dr. Katrine Camilleri, Direttur tal-Jesuit Refugee Service, Gabi Calleja, Kap tal-Sexual Orientation, Gender Identity, Gender Expression and Sex Characteristics Unit, Human Rights Directorate, Amy Camilleri Zahra, President ta’ Amputees4Amputees, Dr. Lara Dimitrijevic, Chairperson tal-Women’s Rights Foundation, Caroline Muscat, Editur ta’ The Shift News u Ms. Umayma Elamin Amer, President tal-Migrant Women Association Malta. 

Ekonomija

Sport