Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba ħabbar li mill-1 ta’ Mejju li ġej se tirritorna l-Battle of the Flowers. Qal li din l-inizjattiva qed titnieda biex il-Kumitati Lokali tal-Partit Laburista jieħdu sehem fiha, bl-ispejjeż sussidjati mill-Partit Laburista stess.
Dr Agius Saliba qal li s-sejħa hija miftuħa għall-Kumitati Lokali li se jissieħbu ma’ karristi Maltin u Għawdxin biex fl-1 ta’ Mejju jerġa’ jkollna festa kbira fil-Belt Valletta. Iddeskriva din l-inizjattiva bħala tradizzjoni antika li m’għandhiex tintilef u għalhekk ħeġġeġ lill-Kumitati Lokali jikkonkorru bi ħġarhom.
Id-Deputat Mexxej ta rendikont tal-ħidma li qed issir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, li din is-sena għalaq 30 sena mindu nfetaħ bħala l-kwartieri tal-Partit Laburista. Spjega li għaddejjin xogħlijiet infrastrutturali u restawr tal-faċċata bi flus li nġabru waqt il-maratona ġbir ta’ fondi ta’ Ġunju li għadda.
Dr Agius Saliba qal li wara t-tnedija tal-muniti kommemorattivi tat-30 sena mill-ftuħ tal-kwartieri, tlesta l-ewwel abbozz tagħhom, muniti li jirrappreżentaw l-istorja taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Qal li bħalissa bosta qed jordnaw biex jixtru sett, li se jkun lest fil-maratona ġbir ta’ fondi ta’ Diċembru li ġej.
Id-Deputat Mexxej temm jgħid li l-għaqda ngħixuha ta’ kuljum b’ħidma lkoll flimkien biex il-Partit Laburista jkompli għaddej bix-xogħol meħtieġ u r-riformi għall-pajjiż għall-ġid tal-Maltin. Appella lin-nies biex għada kulħadd ikun Kennedy Grove biex niċċelebraw il-ġid li Gvern Laburista ħoloq għall-Maltin.