Friday, September 26, 2025

Id-Deputat Mexxej u l-MPE Laburista Alex Agius Saliba jmexxi diskussjoni dwar l-Ispecial Olympics fil-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Fil-jum Ewropew iddedikat għall-Ispecial Olympics, id-Deputat Mexxej u l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba ospita u mexxa diskussjoni fil-Parlament Ewropew fl-istess ġimgħa ddedikata għall-isport Ewropew.

Id-diskussjoni ġabet flimkien membri tal-Parlament Ewropew, esperti tas-saħħa, u atleti tal-Olimpjadi Speċjali – inkluż delegazzjoni mill-Olimpjadi Speċjali Malta sabiex jiffukaw fuq l-avvanz li sar f’dan il-qasam kemm intelletwali kif ukoll minn lenti ta’ żvilupp.

FL-istess avveniment, ġiet iffirmata dikjarazzjoni dwar l-Inklużjoni tal-persuni b’diżabilità permezz tal-Isport, l-edukazzjoni u s-saħħa. Din id-dikjarazzjoni storika, appoġġata mill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-mexxejja tal-Olimpjadi Speċjali, tistabbilixxi impenn komuni biex l-Unjoni Ewropeja tmexxi globalment soċjetajiet inklussivi.

Id-dikjarazzjoni tħeġġeġ li l-isport inklussiv jitqies bħala prijorità politika u ta’ finanzjament;  li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Olimpjadi Speċjali biex jiġu mtejjba d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, edukazzjoni inklussiva, impenn ċiviku, ugwaljanza fis-saħħa, u benesseri mentali; li l-vuċijiet tal-atleti tal-Olimpjadi Speċjali jkunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet u li jespandu l-imsieħba mal-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u s-settur privat biex ħadd ma jibqa’ lura la fil-qasam sportiv, la fil-klassi, la fil-kura tas-saħħa u lanqas fis-soċjetà.

Agius Saliba qal li “din id-dikjarazzjoni mhijiex it-tmiem, iżda l-bidu ta’ mpenn Ewropew aktar b’saħħtu. Ir-responsabbiltà tagħna issa hija li nibdlu l-kliem f’azzjoni, biex niżguraw li madwar l-Ewropa ħadd ma jibqa’ inviżibbli, u kull persuna jkollha ċ-ċans tgħix b’dinjità, ugwaljanza u tama.”

Atleti minn madwar l-Ewropa, inkluż Malta, qasmu x-xhieda tagħhom dwar kif l-Olimpjadi Speċjali biddlilhom ħajjithom – minn biża’ għal kunfidenza, l-iżolament fi ħbiberiji, u s-silenzju f’vuċi. Il-mexxejja u l-esperjenzi tagħhom saħħew il-messaġġ tad-dikjarazzjoni: l-inklużjoni mhux biss possibbli, iżda  hija  game changer għal individwi, komunitajiet, u għall-Ewropa kollha.

Fl-għeluq tal-avveniment, Agius Saliba sostna li l-isfidi fis-saħħa mentali kulma jmorru dejjem qegħdin jiżdiedu, b’mod partikolari r-riskji diġitali dipendenti fuq iż-żgħażagħ u riskji oħra intellettwali u ta’ żvilupp. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa għal appoġġ aħjar fis-saħħa mentali, ambjenti diġitali aktar sani, u sistemi tas-saħħa aktar aċċessibbli u b’saħħithom.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Brussell tistabbilixxi direzzjoni ċara: l-Ewropa trid tmexxi. Billi tqiegħed l-inklużjoni fil-qalba tal-isport, l-edukazzjoni u s-saħħa, l-UE tista’ turi lid-dinja li l-Ewropa mhux sempliċiment viżjoni iżda obbligu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport