Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista Alex Agius Saliba kiteb lill-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) sabiex jagħti aġġornament fattwali dwar l-iżviluppi fuq l-allegazzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ karti tal-identità foloz f’Malta.
Fl-ittra tiegħu, Agius Saliba għamel referenza għall-allegazzjonijiet fabbrikati mressqa għal raġunijiet politiċi mill-Partit Popolari Ewropew. Huwa kkjarifika li xhieda li ġiet ippreżentata fil-Qorti nhar it-Tlieta, 25 ta’ Marzu svelat li nħarġu biss sebgħa karti tal-identità foloz b’rabta ma’ dan il-każ.
“L-evidenza turi biċ-ċar li dawn huma każijiet iżolati, mhux abbuż sistematiku,” stqarr id-Deputat Mexxej u MPE Agius Saliba. “Huwa mportanti li l-Kumitat LIBE jkun iggwidat mil-fatti, mhux mill-ispekulazzjonijiet jew narrattivi mibnija għal skop politiku.”
L-ittra telenka wkoll il-fatt li l-investigazzjonijiet ta’ Identità u l-Pulizija bdew fl-2022, ħafna qabel ma din il-materja ġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku wara li ġiet imxandra fuq il-midja. Dawn l-allegazzjonijiet wasslu sabiex inbdew proċeduri legali kontra żewġ individwi dwar korruzzjoni, ħasil ta’ flus u traffikar tal-bnedmin.
Alex Agius Saliba saħaq dwar l-impenn ta’ Malta lejn it-trasparenza u l-kontabilità u talab sabiex il-Kumitat LIBE jieħu pożizzjoni bilanċjata dwar din il-materja. Għalhekk, Agius Saliba talab li din il-materja tiġi diskussa mill-Kumitat LIBE wara li tintemm l-inkjesta maġisterjali.