Friday, July 11, 2025

Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista Alex Agius Saliba se jmexxi n-negozjati dwar regolamenti Ewropej fuq il-protezzjoni tal-Minuri

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea ppropniet regolamenti sabiex jiġi miġġieled l-abbuż sesswali tal-minuri onlajn wara li Alex Agius Saliba nnegozja l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rwol tiegħu ta’ rapporteur fil-kumitat dwar is-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO).  Agius Saliba issa se jkollu wkoll ir-rwol ta’ negozjatur ewlieni f’isem is-Soċjalisti u d-Demoktartiċi fid-djalogu dwar ir-regolamenti proposti mal-iStati Membri.

Qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024, il-Parlament approva regolamenti li jtejbu l-protezzjoni tat-tfal mit-trawwim onlajn għal abbuż sesswali.  Ir-regolamenti se jagħmluha iktar faċli sabiex jiġi ntraċċat l-oriġini ta’ materjal ta’ abbuż sesswali. Fl-istess waqt, ir-regolamenti se jintroduċu salvagwardji dwar il-privatezza u s-sigurta tal-komunikazzjoni permezz ta’ enkrizzjoni minn tarf sa tarf tal-messaġġi (end-to-end encryption).

Id-Deputat u MPE Laburista Alex Agius Saliba kkummenta fuq din il-ħatra.  “Irridu nipproteġu t-tfal mill-perikli fl-isfera diġitali u rridu niġġieldu l-produzzjoni u l-firxa ta’ materjal ta’ abbuż sesswali.  Fl-istess waqt, irridu nirrispettaw il-privatezzi ta’ min juża l-internet.

Inħoss li ġejt fdat b’responsabbiltà kbira sabiex ninnegozja leġislazzjoni importanti mmens f’dan il-qasam iżda li hija wkoll iebsa sabiex tiġi mplimentata.  Se naħdem sabiex inrodd lura l-fiduċja li wera fija l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi billi nikseb riżultat tajjeb li jagħmel l-Unjoni Ewropea post iktar sigur għat-tfal.”  

Ir-riżoluzzjoni maqbula fil-Parlament Ewropew hija biss l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni.  S’issa l-iStati Membri għadhom ma waslux fi qbil dwar il-kontenut tal-liġi.  In-negozjati li se jmexxi Agius Saliba huma ntiżi sabiex jintlaħaq dan il-qbil, sabiex b’hekk ir-Regolament dwar l-Abbuż Sesswali fuq il-Minuri jsiru parti mil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport