Monday, December 8, 2025

Id-Deputat PM Borg jiltaqa’ mal-PM tal-Qatar

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, kellu taħditiet ma’ uffiċjali ewlenin tal-Istat tal-Qatar, fosthom il-Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Sheikh Mohammed bin Abdulrahman Al-Thani.

Matul żjara qasira f’Doha, Dr Borg mexxa sensiela ta’ laqgħat ta’ livell għoli bil-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ Malta mal-Istat tal-Qatar u jkompli jmexxi ’l quddiem id-djalogu dwar temi reġjonali u globali ewlenin.

Il-laqgħa mal-Prim Ministru tal-Qatar iffukat fuq it-tkabbir tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, b’mod speċjali fil-qasam tal-kollaborazzjoni ekonomika u t-turiżmu. Iż-żewġ naħat tennew l-impenn tagħhom li jżidu l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ popli, filwaqt li joħolqu opportunitajiet li jappoġġaw it-tkabbir reċiproku.

Id-Deputat Prim Ministru kellu wkoll laqgħa pożittiva mal-Ministru tal-Affarijiet tal-Enerġija tal-Qatar, l-Inġ. Saad bin Sherida Al Kaabi, fejn iddiskutew it-tkattir tal-kooperazzjoni fl-enerġija, l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni, u t-tisħiħ tal-prijoritajiet komuni fis-sostenibbiltà u s-sigurtà enerġetika. Malta u l-Qatar esprimew ir-rieda tagħhom li jkomplu jibnu sħubija li tirrifletti l-isfidi u l-opportunitajiet tal-qasam tal-enerġija, hekk kif jevolvi maż-żmien.

Id-Deputat Prim Ministru pparteċipa wkoll fid-Doha Forum 2025, f’diskussjoni dwar il-migrazzjoni. Hawnhekk, tenna l-importanza li l-immaniġġjar tal-migrazzjoni jsir b’mod uman, sostenibbli u kollaborattiv. Huwa enfasizza dak li għaddej fil-Lvant Nofsani, u osserva li l-iżviluppi fir-reġjun jibqgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-mobilità globali u l-kunsiderazzjonijiet umanitarji. Malta tibqa’ impenjata li taħdem mal-imsieħba internazzjonali biex tħares id-dinjità, is-sigurtà u l-opportunitajiet għal dawk kollha affettwati mill-migrazzjoni.

Dr Borg tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-Qatar, u li tikkontribwixxi b’mod kostruttiv fid-djalogu reġjonali u globali. Din iż-żjara fil-Qatar kienet pass ieħor importanti lejn kollaborazzjonijiet strateġiċi aktar b’saħħithom, u lejn tisħiħ tal-għanijiet kondiviżi għall-istabbiltà u l-progress.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport