Sunday, November 16, 2025

Id-Deputat PM u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Dr Ian Borg isejjaħ għall-għaqda fid-dawl ta’ riformi ewlenin għas-settur tat-turiżmu

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Dr Ian Borg indirizza l-MHRA BOV Deloitte Q3 2025 Hospitality Performance Presentation, fejn tenna li s-settur tat-turiżmu f’Malta dieħel f’mument deċiżiv li fih ir-riformi li ilhom jiġu diskussa għandhom issa jiġu implimentati bl-appoġġ sħiħ u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba kollha fl-industrija.

Huwa faħħar ir-riżultati b’saħħithom li ħarġu mir-rapport, inkluż żieda ta’ 11.7% fil-wasliet bejn l-ewwel u t-tielet kwart tas-sena, kif ukoll żieda ta’ 16.1% fl-infiq totali mit-turiżmu. Dr Borg saħaq ukoll fuq is-suċċess tal-istrateġija tal-istaġjonalità li qed tkompli twassal għal tkabbir dejjem aktar b’saħħtu matul ix-xhur li mhux tradizzjonalment assoċċjati mat-turiżmu. Huwa qal “Skont ir-rapport ippubblikat illum, is-settur tat-turiżmu f’Malta qed ikompli jissaħħaħ. Dawn iċ-ċifri jagħtuna kunfidenza u jikkonfermaw li l-isforzi tagħna biex inqassmu t-turiżmu matul is-sena kollha filwaqt li nkomplu ntejbu d-dħul u l-kwalità qed jaħdmu.”

Il-President tal-MHRA Tony Zahra kkummenta wkoll dwar ir-riżultati pożittivi fejn irrimarka li dawn qed jibnu fuq is-suċċessi li nkisbu diġà. Is-Sur Zahra saħaq li l-industrija f’pajjiżna qed tħares ’l quddiem b’ottimiżmu. Huwa sostna “It-tielet kwart kien wieħed eċċezzjonali fejn iċ-ċifri kollha indikaw livell għoli u impressjonanti ta’ attività. Qegħdin ukoll naraw li l-kwart li jmiss ser ikun wieħed b’saħħtu wkoll, fejn din is-sena nistgħu saħansitra neċċedu ċ-ċifra ta’ erba’ miljun turist li jagħżlu lil gżiritna.”

Id-Deputat Prim Ministru Borg enfasizza li dan huwa l-mument li fih trid tittieħed azzjoni deċiżiva. Huwa qal “Wasalna f’mument li fih irridu nindirizzaw l-isfidi tagħna b’mod dirett. Id-deċiżjonijiet li ġejjin jeħtieġu kuraġġ kollettiv u għaqda. Dawk li tassew għandhom dan is-settur għal qalbhom jifhmu kemm hu importanti li nimxu ’l quddiem flimkien.”

Dr Borg fakkar li deċiżjonijiet kuraġġużi dejjem mexxew l-industrija tat-turiżmu ’l quddiem. Dr Borg semma fost l-oħrajn ir-riabilitazzjoni li għaddejja fil-Blue Lagoon bħala eżempju ċar ta’ kif bidliet b’saħħithom jistgħu jagħmlu differenza. Huwa spjega li l-pjan ta’ riformi tal-Gvern jinkludi t-tisħiħ tal-ħiliet permezz tal-iSkills Pass u Tourism Excellence Malta, flimkien mat-tisħiħ tal-qafas wiesa’ ta’ ċertifikazzjoni ambjentali bħall-Green Key, l-EU Ecolabel kif ukoll il-GSTC. Dan kollhu flimkien mal-użu ta’ data aktar robusta, inkluż it-Tourism Sustainability Indicators u l-AI in Tourism Platform, ser iservu sabiex tiġi ifformata politika aktar effettiva u sabiex jitkejjel aħjar l-impatt fuq ir-residenti, l-ambjent u l-ekonomija.

Rigward l-akkomodazzjoni, Dr Borg spjega li waħda mill-aktar riformi importanti mħabbra hija dik ta’ ftit jiem ilu fir-Regolamenti dwar l-Akkomodazzjoni tat-Turiżmu. Riforma li bħalissa hija miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika. Dan il-qafas ġdid jipproponi gwida iktar bilanċjata, b’limiti ċari fuq it-tkabbir u regoli aktar trasparenti kemm għall-proprjetajiet tradizzjonali kif ukoll għal dawk short-let. Dr Borg żied li dan kollu, flimkien mal-proġett pilota fil-lokalitajiet tas-Swieqi u l-Belt Valletta, ser ikollhom irwol kruċjali fil-mod kif l-industrija timxi lejn il-futur.

Huwa semma wkoll il-pressjonijiet li qed jaffaċċja s-suq tax-xogħol fis-settur tat-turiżmu u wissa li proposti bħall-introduzzjoni ta’ ġimgħa xogħol ta’ erbat ijiem għandhom jiġu eżaminati b’serjetà u realiżmu, għaliex miżuri li jżidu l-pressjoni fuq is-settur li diġà jinsab taħt pressjoni jistgħu potenzjalment idgħajfu industrija tant essenzjali għall-pajjiż.

Id-Deputat Prim Ministru temm b’appell b’saħħtu għall-għaqda u rringrazzja lill-MHRA u dawk kollha involuti għall-kollaborazzjoni u l-professjonalità tagħhom. Huwa qal: “Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex nirringrazzja lill-MHRA u lill-partijiet kollha tal-industrija għall-parteċipazzjoni attiva tagħkom fil-konsultazzjonijiet li għaddejjin u għall-appoġġ li wrejtu għar-riformi mħabbra. L-ispirtu li bih qed tilqgħu bidliet essenzjali u tieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi meta jkun hemm bżonn jirrifletti ħsieb komuni li l-futur tas-settur tagħna jrid jinbena fuq viżjoni ħolistika u fit-tul.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport