Thursday, July 17, 2025

Id-Deputat Prim Ministru Borg iħeġġeġ għal iżjed kollaborazzjonijiet bejn Malta u l-Ġappun

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, enfasizza l-prospetti sbieħ għal iżjed kollaborazzjonijiet bejn Malta u l-Ġappun, hekk kif iż-żewġ nazzjonijiet qed jiċċelebraw 60 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi.

Il-Ħamis filgħodu, Malta u l-Ġappun iċċelebraw dan l-anniversarju storiku waqt Jum Malta fl-Expo 2025, il-fiera dinjija li l-Ġappun qed jospita din is-sena fil-belt ta’ Osaka.

Dr Borg semma diversi żviluppi importanti bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li stqarr li s-sħubija bejniethom qed tipprometti futur b’aktar kollaborazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u multilaterali.

“It-tema tal-Paviljun ta’ Malta fl-Expo, ‘Catch the Wave, Catch the Opportunity’, tirrifletti dan l-ispirtu ta’ konnessjoni u kontinwità. U bħall-mewġ li jivvjaġġa bejn xtutna, Malta u l-Ġappun jimxu ’l quddiem flimkien – hekk kif inħaddnu l-innovazzjoni, ir-reżiljenza u l-iżvilupp paċifiku,” qal Dr Borg.

Id-Deputat Prim Ministru sostna li l-ftuħ tal-Ambaxxata tal-Ġappun f’Malta fl-2024 kien pass kruċjali li ssiġilla relazzjoni li kompliet tikber fil-qawwa kif ukoll fl-ambizzjoni. “Dan wassal messaġġ ċar – Malta u l-Ġappun mhumiex biss ħbieb, imma msieħba fdati, li jaqsmu valuri u prinċipji. Hekk kif it-tnejn li aħna servejna flimkien bħala membri eletti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2023 u l-2024, is-sħubija b’saħħitha ta’ Malta u Ġappun tirrifletti wkoll l-impenn qawwi tagħna lejn il-multilateraliżmu u l-liġi internazzjonali,” qal Dr Borg.

Il-kummerċ ħieles huwa s-sinsla tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, kif jixhed is-suċċess fl-esportazzjoni tat-tonn Malti lejn is-suq Ġappuniż, prova ċara tal-fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ pajjiżi. F’dan ir-rigward, Malta tara potenzjal għal kollaborazzjoni f’ħafna oqsma oħrajn, bħall-enerġija nadifa, l-innovazzjoni, it-teknoloġiji diġitali u x-xjenzi tal-ħajja, spjega Dr Borg.

“Il-Viżjoni Malta 2050, li tagħti prijorità lill-innovazzjoni sostenibbli u lill-ekonomija blu, issaħħaħ l-impenn tagħna li nrawmu prattiċi kummerċjali li jirrispettaw l-ambjent, u li jaqblu mal-viżjoni Ġappuniża għal futur sostenibbli,” żied jgħid.

Id-Deputat Prim Ministru semma wkoll it-tħabbira ta’ din il-ġimgħa dwar il-ftehim ġdid ta’ working holiday visas bejn iż-żewġ pajjiżi, li għandu l-potenzjal li jippromwovi rabtiet ġodda bejn iż-żewġ popli. “Dan huwa mument ieħor sinifikanti u pedament li fuqu nistgħu nibnu aktar.”

Dr Borg laqa’ wkoll il-kollaborazzjoni li għaddejja bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ta’ Malta u l-Università Internazzjonali ta’ Kobe fil-Ġappun, hekk kif iż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi qed jaħdmu flimkien biex itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni dwar it-turiżmu u l-ospitalità.

“Ejjew inkomplu nibnu fuq il-valuri komuni tagħna, u fuq ir-rispett reċiproku. Ejjew nikbru flimkien – fil-kummerċ, fil-kultura u fil-konnettività. Malta lesta. Merħba lill-Ġappun,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru Malti.

L-attività ta’ Jum Malta ta’ nhar il-Ħamis kienet indirizzata wkoll mill-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Barranin tal-Ġappun, Hisayuki Fujii.

Id-delegazzjoni Maltija inkludiet ukoll lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Clifton Grima, lill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġappun, Andre Spiteri, kif ukoll uffiċjali oħra ewlenin minn diversi entitajiet nazzjonali. L-attività ntemmet b’wirja mużikali minn Joseph Calleja, Mari Moriya, Destiny Chukunyere u Tomoko Nakayama.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport