Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, mexxa t-72 laqgħa tal-Grupp t’Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG), il-ħames waħda minn meta ġie elett f’din il-kariga f’Ottubru 2024.
Il-laqgħa saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fl-isfond tal-avvenimenti ta’ Jum il-Commonwealth – it-Tnejn 9 ta’ Marzu – hekk kif Malta ngħaqdet mas-56 membru ta’ din l-organizzazzjoni f’Londra biex ittenni l-impenn kondiviż lejn il-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali, fi żmien ta’ inċertezza ġeopolitika bla preċedent.
Matul il-laqgħa tas-CMAG immexxija mid-Deputat Prim Ministru Borg, id-disa’ membri tal-Grupp komplew isegwu l-iżviluppi reċenti f’diversi pajjiżi fi ħdan il-Commonwealth, fosthom il-Gabon u t-Tanzanija, kif ukoll pajjiżi oħrajn.

“Irridu nkomplu niggwidaw u nappoġġjaw lill-membri biex iħarsu l-valuri u l-prinċipji fundamentali stabbiliti fil-Karta tal-Commonwealth – fosthom id-demokrazija, s-saltna tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni,” qal Dr Borg, hekk kif faħħar lill-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali Shirley Botchwey għall-għajnuna kontinwa li joffri, u rringrazzja lill-membri tas-CMAG għall-impenn tagħhom lejn il-ħidma importanti tal-Grupp.
Minbarra d-Deputat Prim Ministru Malti, il-membri l-oħra tas-CMAG jinkludu ministri u rappreżentanti distinti minn Antigua u Barbuda, il-Botswana, il-Kanada, Grenada, il-Malasja, Mauritius, Samoa u ż-Żambja.
Fi stqarrija maħruġa fi tmiem il-laqgħa, il-membri tas-CMAG esprimew tħassib kbir dwar kif id-demokrazija qed tkun dejjem aktar mhedda, u insistew li “istituzzjonijiet demokratiċi u strutturi ta’ governanza reżiljenti, flimkien mar-rispett lejn is-saltna tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv, għas-sigurtà u għall-promozzjoni tal-paċi”.
It-Tnejn, id-Deputat Prim Ministru Borg ingħaqad ma’ membri oħra tal-Commonwealth f’Westminster Abbey għal attività bis-sehem ta’ reliġjonijiet differenti, sabiex tfakkar is-77 anniversarju ta’ din l-organizzazzjoni. Waqt riċeviment f’St James’s Palace, Dr Borg iltaqa’ wkoll mar-Re Karlu III u mar-Reġina Camilla.
F’Londra, Dr Borg ħa sehem ukoll fis-26 laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth (CFAMM), li saret f’Lancaster House. Din il-laqgħa ddiskutiet proposti biex jissaħħaħ l-irwol ta’ din l-organizzazzjoni quddiem diversi sfidi li qed tiffaċċja d-dinja, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet kondiviżi għall-prosperità tat-2.7 biljun persuna li tirrappreżenta l-Commonwealth.
Fil-marġini ta’ Jum il-Commonwealth, id-Deputat Prim Ministru Malti kellu wkoll laqgħat bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Kummerċ u l-Affarijiet ta’ Barbuda ta’ Antigua u Barbuda, Everly Paul Chet Greene, mas-Segretarju Parlamentari għall-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada, Robert Oliphant, u mal-Prim Segretarju tal-Kabinett tal-Kenja, Musalia Mudavadi.

