Sunday, December 22, 2024

Id-Deputat Prim Ministru Borg isejjaħ lill-UE biex tkompli tagħti prijorità lill-isfidi tal-migrazzjoni

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg sejjaħ lill-Unjoni Ewropea biex tkompli għaddejja bil-ħidma biex tegħleb l-isfidi tal-migrazzjoni fuq l-istati membri u l-fruntieri esterni tagħha.

Hu kien qed jindirizza l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (UE) it-Tlieta filgħodu, fil-Lussemburgu, li ddiskuta t-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru, li se jitlaqqa’ aktar tard din il-ġimgħa fi Brussell bis-sehem tal-mexxejja Ewropej.

“Huwa inkoraġġanti li naraw aktar u aktar stati membri li issa qed jagħtu prijorità lill-isfidi tal-migrazzjoni, li Malta ilha tħabbat wiċċha magħhom għal ħafna snin. Nittamaw li waqt il-Kunsill Ewropew din il-ġimgħa jkun hemm diskussjoni produttiva dwar din is-sitwazzjoni, li tinsab f’punt kruċjali,” qal il-Ministru Borg, hekk kif ħeġġeġ biex ikun hemm aktar impenn sabiex tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna, filwaqt li jiżdied ix-xogħol fuq il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li daħal fis-seħħ aktar kmieni din is-sena.

Il-Ħamis u l-Ġimgħa, waqt il-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-pajjiżi membri mistennija jiddiskutu l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi fl-implimentazzjoni tal-perspettiva komprensiva dwar il-migrazzjoni, b’aktar koperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u tranżitu biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin ta’ din l-isfida, kif ukoll fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni, u sabiex tonqos il-migrazzjoni irregolari u l-imwiet marbuta ma’ dan il-fenomenu.

Il-Kunsill Ewropew ser jiddiskuti wkoll il-gwerra t’aggressjoni Russa fl-Ukrajna u l-eskalazzjoni tal-kunflitti fil-Lvant Nofsani.

Dwar l-Ukrajna, id-Deputat Prim Ministru tenna li filwaqt li Malta se tkompli tappoġġja l-ħidma tal-UE biex tgħin lill-poplu Ukren jipproteġi l-ħelsien tiegħu, qed tara wkoll li l-politika speċifika ta’ Malta dwar is-sigurtà u d-difiża jiġu mħarsa. Hawnhekk, irrikonoxxa li din il-politika ta’ Malta kienet inkluża fil-konklużjonijiet li se jiġu proposti lill-Kunsill Ewropew.

Il-Ministru saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jintbagħat messaġġ b’saħħtu b’reazzjoni għas-sitwazzjoni allarmanti fil-Lvant Nofsani. “B’mod urġenti neħtieġu waqfien mill-ġlied f’Gaża u l-Lebanon, skont dak mitlub mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Fl-istess waqt intennu l-appoġġ tagħna lil UNIFIL. L-operazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda għandhom jitħallew joperaw hekk kif ġie mandat mill-istess Nazzjonijiet Magħquda,” żied jgħid id-Deputat Prim Ministru.

Ekonomija

Sport