Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, irrappreżenta lil Malta fil-61 Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich, fil-Ġermanja, fi tmiem din il-ġimgħa.
Il-Konferenza tas-Sigurtà ta’ Munich hija l-forum ewlieni fid-dinja dwar il-politika tas-sigurtà, fejn il-mexxejja globali jiltaqgħu biex jiddiskutu kunflitti attwali u kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà. Din is-sena, id-delegazzjoni Maltija mmexxija mid-Deputat Prim Ministru Borg ingħaqdet ma’ aktar minn 50 mexxejja minn madwar id-dinja biex terġa’ tafferma l-impenn ta’ Malta għad-diplomazija u d-djalogu. Matul jumejn ta’ laqgħat bilaterali u avvenimenti, Dr Borg ħa sehem f’laqgħat ma’ ministri barranin oħra, esperti dwar is-sigurtà, u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u oħrajn mhux governattivi.
“Filwaqt li nkomplu naraw it-tbatijiet ikkawżati mill-gwerer u l-kunflitti fil-Mediterran u f’inħawi oħra madwarna, nerġgħu ntennu s-sejħa tagħna għall-għaqda u l-kooperazzjoni internazzjonali. Il-multilateraliżmu u d-djalogu huma l-uniku triq biex in-nazzjonijiet jaslu għal qbil dwar l-isfidi tas-sigurtà li lkoll għandna quddiemna, lejn paċi, sostenibbiltà u prosperità dejjiema,” qal Dr Borg.
Fil-marġini tal-Konferenza, id-Deputat Prim Ministru Malti kellu taħditiet mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u d-Djaspora tal-Kosovo, Donika Gërvalla-Schwarz, fejn enfasizza l-appoġġ ta’ Malta għall-involviment u l-koperazzjoni tal-UE fil-Balkani tal-Punent.
Huwa ltaqa’ wkoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Latvja, Baiba Braže, il-Ministru Delegat għall-Ewropa ta’ Franza, Benjamin Haddad, u l-Assistent Deputat Segretarju għad-Difiża tal-Istati Uniti għall-Ewropa u n-NATO, David Baker.
Il-Presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa din is-sena kienet waħda mis-suġġetti prinċipali tad-diskussjonijiet. “Hekk kif niċċelebraw is-60 anniversarju minn meta ngħaqadna mal-Kunsill tal-Ewropa, il-Presidenza tagħna se tkompli tippromwovi soċjetà inklussiva u ugwali li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex ifasslu l-politika tal-lum u t’għada,” qal id-Deputat Prim Ministru, waqt li fakkar li Malta se tkun qed terġa’ tniedi l-Konferenza tal-Ministri responsabbli għaż-Żgħażagħ tal-pajjiżi membri tal-Kunsill, wara assenza ta’ 13-il sena.
L-involviment taż-żgħażagħ ġie diskuss ukoll waqt waħda mill-laqgħat li saru waqt il-Konferenza f’Munich, li ffukat fuq l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-ħidma għall-paċi u s-sigurtà. “Huwa fl-aħjar interess tal-komunità internazzjonali li niżguraw ambjent sigur li jsaħħaħ liż-żgħażagħ li jistinkaw biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u jaħdmu għall-paċi,” ikkummenta Dr Borg, “għax iż-żgħażagħ mhumiex biss il-mexxejja t’għada; huma dawk li qed jibdlu d-dinja llum.”
F’laqgħa mad-Direttur Eżekuttiv tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tan-Nazzjonijiet Maqgħuda (CTED), Natalia Gherman, id-delegazzjoni Maltija ddiskutiet il-Konferenza Globali tal-Esperti Kontra t-Terroriżmu biex jiġu riveduti l-Prinċipji ta’ Bogotá, li se ssir f’Malta x-xahar id-dieħel. Dr Borg irringrazzja lil CTED talli għażlet lil Malta bħala l-post għal din il-konferenza, li tirrifletti r-reputazzjoni internazzjonali tal-pajjiż li qed tkompli tissaħħaħ.
Id-Deputat Prim Ministru ltaqa’ wkoll mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Golf, Luigi Di Maio, u mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Saħel, Joao Gomez Cravinho, biex jiddiskutu sehem l-UE f’diversi oqsma ta’ interess komuni, inkluż il-migrazzjoni, is-sigurtà marittima u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.