Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg iltaqa’ mal-Ambaxxatur Palestinjan Fadi Hanania, fl-Ambaxxata tal-Istat tal-Palestina f’Malta, is-Swieqi, din il-ġimgħa.
Il-laqgħa ffukat fuq ir-rikonoxximent uffiċjali ta’ Malta tal-Istat tal-Palestina f’Settembru, kif ukoll fuq l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani, fosthom il-ftehim dwar il-Pjan ta’ Paċi ta’ Gaża, li ntlaħaq bl-appoġġ tal-Eġittu, il-Qatar u l-Istati Uniti, waqt il-Konferenza ta’ Sharm el-Sheikh aktar kmieni dan ix-xahar.
Dr Borg qal li d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jingħaqad ma’ pajjiżi oħra sabiex uffiċjalment jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Settembru tikkonferma mill-ġdid l-impenn dejjiemi ta’ Malta favur paċi ġusta u dejjiema bejn Iżrael u l-Palestina, imsejsa fuq is-Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati b’Ġerusalemm bħala l-Kapitali taż-żewġ stati jgħixu ħdejn xulxin.
Malta qed tkompli tappoġġja lill-poplu Palestinjan permezz ta’ għajnuna finanzjarja lil organizzazzjonijiet umanitarji fir-reġjun, opportunitajiet edukattivi għaż-żgħażagħ Palestinjani, kif ukoll l-evakwazzjoni medika u l-kura ta’ tfal midruba f’Gaża, fost assistenza oħra.
Id-Deputat Prim Ministru Malti sejjaħ ukoll biex il-partijiet kollha, inkluż il-komunità internazzjonali, jaħdmu flimkien fit-twettiq tal-Pjan ta’ Paċi ta’ Gaża, biex jiġi żgurat li l-waqfien mill-ġlied jinżamm.
L-Ambaxxatur Hanania rringrazzja lil Dr Borg għaż-żjara tiegħu fl-Ambaxxata, u għall-ħidma internazzjonali ta’ Malta favur il-Palestina. Saħaq dwar il-ħtieġa għal aktar sforzi sabiex tiżdied l-għajnuna umanitarja lejn Gaża, kif ukoll biex tibda r-rikostruzzjoni tagħha.
L-Ambaxxatur ħeġġeġ ukoll lil Malta u lill-komunità internazzjonali biex jibqgħu jappoġġjaw lill-komunitajiet Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u l-Lvant ta’ Ġerusalemm, hekk kif sejjaħ għat-tmiem tal-bini tal-insedjamenti illegali, għall-ħelsien tal-priġunieri Palestinjani u t-tneħħija tal-ostakli għall-moviment ħieles.