Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, żar lukandi u stabbilimenti tal-ikel u x-xorb sabiex jiltaqa’ mal-ħaddiema li se jkunu qed jilqgħu u jservu lit-turisti u lir-residenti matul il-festi tal-Milied u s-Sena l-Ġdida fil-jiem li ġejjin.
Jumejn qabel il-Milied, huwa żar San Pawl il-Baħar u San Ġiljan sabiex jiltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema tal-AX Odycy Hotel, il-Be.Hotel u l-Hyatt Regency Malta Hotel, kif ukoll Mamachi Restaurant. Madwar Malta u Għawdex, dan il-Milied, aktar minn 32,000 ħaddiema se jkunu xogħol f’450 lukanda u stabbiliment ieħor ta’ akkomodazzjoni kollettiva, kif ukoll f’madwar 5,300 stabbiliment tal-ikel u x-xorb. Dr Borg kien akkumpanjat minn rappreżentanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) u l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel u x-Xorb (ACE).
“Hekk kif qed nersqu lejn tmiem sena kruċjali għall-industriji tat-turiżmu u tal-ospitalità, illum nixtieq infaħħar id-dedikazzjoni ta’ ħafna ħaddiema li se jkunu qed jappoġġjaw iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ eluf ta’ familji f’Malta u Għawdex,” qal id-Deputat Prim Ministru. “Dan ir-rikonoxximent ma jmurx biss għal dawk impjegati fil-lukandi u r-ristoranti, iżda wkoll għal ħafna oħrajn li jikkontribwixxu għal din l-industrija sabiex flimkien jiżguraw esperjenza sabiħa għar-residenti u l-viżitaturi tagħna – mis-servizzi tat-trasport u l-ICT, sas-servizzi tad-dawl u l-ilma u l-ġbir tal-iskart, kif ukoll il-membri tal-forzi dixxiplinati, ħaddiema tas-saħħa u ħafna oħrajn.”
Dr Borg kien akkumpanjat miċ-Chairman u mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MTA, Charles Mangion u Carlo Micallef, mill-President u mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Tony Zahra u Andrew Agius Muscat, kif ukoll mill-President u mis-Segretarju tal-ACE, Michelle Muscat u Matthew Pace.

