Thursday, September 18, 2025

Id-Deputat Prim Ministru Borg jiltaqa’ mal-kunsilli lokali tal-Belt Valletta u s-Swieqi

Il-lokalitajiet ġew mistiedna jippreżentaw proposti għall-proġett pilota ġdid ta’ appoġġ lill-komunità b’rabta mat-turiżmu

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, iltaqa’ mal-kunsilli lokali tal-Belt Valletta u s-Swieqi, l-Erbgħa waranofsinhar, sabiex jistedinhom jippreżentaw il-proposti tagħhom għall-proġett pilota ta’ appoġġ lill-komunità b’rabta mat-turiżmu, li tnieda l-ġimgħa li għaddiet.

Immexxija mis-Sindku Olaf McKay, id-delegazzjoni tal-Belt Valletta kienet tinkludi lill-kunsilliera Ylenia Montfort (minority leader) u s-Segretarju Eżekuttiv Gabriella Agius. Is-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat, kellu miegħu lill-Viċi Sindku Jordan Galea Pace, il-kunsillier Miguel Balzan (minority leader), u s-Segretarju Eżekuttiv Clarissa Buhagiar.

Dan il-proġett pilota għandu l-għan li jappoġġja lil dawn il-lokalitajiet fl-isforzi tagħhom biex jilħqu bilanċ bejn l-iżvilupp turistiku u l-ħarsien tar-residenti, b’enfasi fuq kwistjonijiet bħall-immaniġġjar tal-iskart, l-ordni pubbliku, u l-immaniġġjar ta’ akkomodazzjonijiet turistiċi u proprjetajiet ta’ kera fit-tul.

Matul il-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru spjega li minn konsultazzjonijiet preliminari, ħareġ li filwaqt li ċerti sfidi jistgħu jiġu indirizzati b’leġiżlazzjoni nazzjonali, kwistjonijiet oħra jeħtieġu soluzzjonijiet mfassla apposta għaċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull lokalità. F’dan ir-rigward, il-proġett pilota ser jagħti lill-lokalitajiet, speċjalment dawk li jinsabu fiż-żoni turistiċi jew qribhom, ir-riżorsi adattati u l-appoġġ amministrattiv meħtieġ biex iwettqu l-inizjattivi li jixtiequ.

Iż-żewġ sindki laqgħu l-istedina ta’ Dr Borg u impenjaw ruħhom li jiddiskutu l-proġett mal-kunsilli rispettivi tagħhom. Huma qablu li sax-xahar id-dieħel jiddeterminaw il-prijoritajiet tagħhom għal dan il-proġett. “Ladarba jkollna dawn il-miri, ser nappoġġjawkom biex tilħquhom – dan se jkun jeħtieġ li nassumu responsabbiltà flimkien, u nikkollaboraw mill-qrib ma’ entitajiet differenti,” Dr Borg qal liż-żewġ kunsilli.

Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li diġà tkellem ma’ ministeri oħra konċernati, li wegħdu l-appoġġ tagħhom għal din l-inizjattiva.

“Fil-Belt Valletta jidħlu ħafna nies ta’ kuljum, kemm li jiġu għax-xogħol kif ukoll turisti. Nemmen li dan il-proġett pilota se jkun qed isolvi diversi sfidi, pereżempju l-immaniġġjar tal-iskart, parkeġġ u aċċessibilità. Huwa tajjeb li d-Deputat Prim Ministru semagħna u se jaġixxu. Inħarsu ’l quddiem biex insolvu dawn il-problemi,” qal is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay.

“Illum bdejna mixja biex insolvu l-isfidi li għandna fis-Swieqi. Nirringrazzja lil Dr Borg għal din l-inizjattiva. Ilna snin ngħidu li għandna sfidi, nipproponu, imma ma naslux. Sadanittant, it-turisti jibqgħu jiżdiedu, it-turiżmu tat-tip short-letli joħolqilna ċertu problemi jibqa’ jiżdied, u l-problemi jibqgħu jiżdiedu. Issa qed nagħrfu li hemm problema, naraw minn fejn ġejja, biex insibu s-soluzzjonijiet – naħseb b’dan il-mod se nkunu nistgħu naslu,” afferma s-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport