Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, iltaqa’ mal-Ministru Federali għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali tal-Awstrija, Beate Meinl-Reisinger, fi Vjenna, nhar l-Erbgħa waranofsinhar.
Matul il-laqgħa, Dr Borg esprima s-solidarjetà ta’ Malta mal-Awstrija wara d-diżgrazzja tal-isparatura fi skola fi Graz, li seħħet it-Tlieta, filwaqt li offra l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi, inkluż studenti u għalliema. “L-iskejjel m’għandhom qatt ikunu post ta’ tixrid ta’ demm, u jeħtieġ nibqgħu nagħmlu l-almu kollu biex nappoġġjaw lill-komunitajiet tagħna madwar id-dinja, sabiex inħarsu lit-tfal u liż-żgħażagħ minn esperjenzi kiefra bħal dawn,” hu qal.
Dr Borg u Mag. Meinl-Reisinger iddiskutew diversi temi reġjonali u tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-aħħar żviluppi dwar l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ewropa u fir-reġjuni ġirien tagħha. “Għandna impenn komuni biex insaħħu s-sistema multilaterali internazzjonali, imsejsa fuq in-Nazzjonijiet Magħquda, filwaqt li nibqgħu nappoġġjaw kull ħidma sinifikanti lejn il-paċi u s-sigurtà,” stqarr Dr Borg.
Fi Vjenna, id-Deputat Prim Ministru Malti kellu wkoll laqgħa mad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA), Rafael Mariano Grossi, sabiex jenfasizza l-irwol kruċjali ta’ din l-Aġenzija fin-nonprofilerazzjoni madwar id-dinja, filwaqt li jiddiskuti x-xogħol li għaddej biex jingħelbu l-isfidi ta’ nonproliferazzjoni fl-Iran u fl-Ukrajna.
Hu rringrazzja lill-IAEA tal-appoġġ li qed tagħti lil Malta permezz tal-Country Programme Framework tagħha, b’koperazzjoni f’oqsma bħat-trattament tal-kanċer u l-mediċina nukleari, il-wirt kulturali, l-immaniġġjar tal-ilma u l-protezzjoni mir-radjazzjoni.
Matul il-laqgħa, Dr Borg ħabbar ukoll li Malta se tagħti kontribuzzjoni finanzjarja għall-Programm Marie-Curie Sklodowska tal-IAEA, li jipprovdi boroż ta’ studju u esperjenzi ta’ xogħol li jħeġġu lin-nisa żgħażagħ biex jaqbdu karrieri fil-qasam nukleari.
Nhar il-Ħamis, fl-irwol tiegħu ta’ President tal-Kumitat Ministerjali tal-Kunsill tal-Ewropa, id-Deputat Prim Ministru Borg se jindirizza l-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), biex jippreżenta l-prioritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa 2025.