Studenti minn Malta u l-Etjopja ħadu sehem f’sensiela ta’ lezzjonijiet online li jippromwovu l-għarfien interkulturali u l-formazzjoni etika, bħala parti mill-Proġett Connecting Classrooms, inizjattiva internazzjonali mmexxija minn Malta, u appoġġjata min-Nazzjonijiet Magħquda.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ingħaqad ma’ waħda mill-aħħar lezzjonijiet ta’ dan il-proġett fl-Iskola San Andrea, din il-ġimgħa. Huwa faħħar lill-istudenti u lill-edukaturi għall-impenn tagħhom biex isaħħu l-kultura ta’ integrità u ċittadinanza globali permezz tal-edukazzjoni.
“L-ilħna tagħkom huma importanti. Il-mistoqsijiet li tagħmlu, il-valuri li tagħżlu u l-għażliet tagħkom isawru l-futur tal-komunitajiet tagħna,” Dr Borg qal lill-istudenti, hekk kif ħeġġiġhom biex “tkomplu titgħallmu, tkomplu tmexxu, u tkomplu temmnu fil-qawwa tal-integrità bħala l-gwida tagħkom, sabiex tispiraw lill-oħrajn, u tibnu dinja aħjar.”
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu qed imexxi l-Proġett Connecting Classrooms bħala parti mill-ħidma tiegħu fl-iżvilupp internazzjonali, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Droga u l-Kriminalità (UNODC).
Studenti minn erba’ skejjel Maltin – l-iskola San Andrea, il-Kulleġġ San Nikola Skola Sekondarja Ħad Dingli, il-Kulleġġ Santa Klara Pembroke, u l-Iskola Mater Boni Consilii, Paola – qed jipparteċipaw f’din l-inizjattiva, flimkien ma’ skejjel fl-Etjopja, permezz ta’ skambji sinkroniċi u asinkroniċi. Bl-użu ta’ għodod innovattivi mill-Programm GRACE tal-UNODC (Global Resources for Anti-Corruption Education and Youth Empowerment), l-istudenti qed jesploraw temi relatati mal-etika, l-integrità, it-tolleranza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Matul is-sessjoni ta’ din il-ġimgħa, l-istudenti ddiskutew sfidi etiċi, qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-ġustizzja u r-rispett, u tgħallmu kif il-valuri etiċi jinftiehmu f’soċjetajiet differenti. Ħadu sehem ukoll uffiċjali għolja tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, flimkien ma’ Dr Lucianne Zammit, Koordinatur tal-Etika fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, u Roger Tirazona, Kap tad-Dipartiment tal-Etika fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Malta ilha minn ta’ quddiem f’din il-ħidma internazzjonali, bis-sehem t’akkademiċi Maltin fl-adattament tar-riżorsi ta’ tagħlim tal-UNODC għall-kurrikulu nazzjonali tal-Etika, sabiex jinkorporaw fih il-valuri tal-integrità, ir-responsabbiltà ċivika u r-rispett lejn id-diversità f’kull livell tal-edukazzjoni. Is-sena li għaddiet, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-kisbiet ta’ Malta f’dan il-qasam ġew ukoll ippreżentati lill-Unjoni Afrikana.
Edukaturi Maltin ħadu sehem ukoll f’taħriġ speċjalizzat tal-UNODC, li bih setgħu japplikaw qafas globali ta’ integrità fil-klassijiet lokali. Dan il-mudell ta’ kollaborazzjoni, li jgħaqqad l-innovazzjoni fil-kurrikulu, l-iżvilupp tal-għalliema u l-impenn interkulturali tal-istudenti, huwa mistenni li jservi bħala mudell għal inizjattivi simili madwar id-dinja.
Il-Proġett Connecting Classrooms jappoġġja l-isforzi ta’ Malta biex tmexxi ’l quddiem l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda (SDGs), b’mod partikolari l-Għan 4 (Edukazzjoni ta’ Kwalità) u l-Għan 16 (Paċi, Ġustizzja u Istituzzjonijiet Sodi), li jirriflettu l-impenn usa’ tal-pajjiż lejn edukazzjoni bbażata fuq l-integrità u kooperazzjoni internazzjonali.
Il-proġett se jkompli b’aktar skambji interattivi, u se jasal fi tmiemu b’attività finali fejn l-istudenti se jaqsmu r-riflessjonijiet tagħhom dwar kif din l-esperjenza ta’ tagħlim interkulturali sawret l-għarfien tagħhom dwar l-etika f’kuntest globali.

