Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg qed iniedi taħditiet mal-kunsilli lokali tas-Swieqi u l-Belt Valletta, sabiex flimkien jippjanaw u jwettqu proġett pilota ta’ appoġġ lill-komunità dwar it-turiżmu f’dawn il-lokalitajiet.
Hu ser jiltaqa’ maż-żewġ kunsilli lokali din il-ġimgħa, sabiex jiddiskutu proposti bl-għan li jgħinu lil dawn il-lokalitajiet jilħqu bilanċ aħjar bejn it-turiżmu u l-ħarsien tar-residenti. Il-proġett pilota se jgħin lir-residenti f’żoni turistiċi jindirizzaw sfidi relatati mal-immaniġġjar tal-iskart, l-ordni pubblika, kif ukoll il-ġestjoni ta’ akkomodazzjonijiet turistiċi u proprjetajiet ta’ kera fit-tul.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu qed jaħdem flimkien ma’ ministeri oħrajn biex jipprovdi għajnuna lis-Swieqi u l-Belt Valletta, żewġ lokalitajiet li esperjenzaw żieda sinifikanti fl-attività turistika fl-aħħar snin. Skont ir-riżultati ta’ dan il-proġett pilota, dan l-appoġġ ikun jista’ jiġi estiż għal żoni turistiċi oħra f’Malta u Għawdex.
Il-proġett pilota tħabbar mid-Deputat Prim Ministru l-ġimgħa li għaddiet. “Nixtiequ ngħinu lill-kunsilli lokali biex iwettqu soluzzjonijiet effettivi għall-impatti mhux mixtieqa tat-turiżmu fuq il-komunitajiet tagħna,” hu qal, filwaqt li żied li “ser naħdmu flimkien u nipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex niżguraw li r-residenti jibqgħu jgawdu mis-suċċess tat-turiżmu, filwaqt li nħarsu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.”