Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, iltaqa’ mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda, Sheikh Abdullah bin Zayed Al Nahyan, f’Abu Dhabi, qabel il-laqgħa inawgurali tal-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda, il-ġimgħa d-dieħla.
Iż-żewġ Deputat Prim Ministri ddiskutew l-importanza ta’ din il-Kummissjoni sabiex tmexxi ’l quddiem kollaborazzjonijiet ġodda f’oqsma fejn iż-żewġ pajjiżi diġà wettqu ħafna xogħol għal relazzjonijiet mill-qrib fl-aħħar snin, fosthom fis-saħħa, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, l-azzjoni klimatika, l-industrija marittima, it-turiżmu u anke l-kultura
L-ewwel sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta se titmexxa mid-Deputat Prim Ministru Borg u mill-Ministru tal-Istat għall-Koperazzjoni Internazzjonali tal-Emirati Għarab Magħquda Reem Al Hashimy, hekk kif diplomatiċi miż-żewġ pajjiżi se jkollhom taħditiet tekniċi dwar kollaborazzjonijiet ġodda għas-snin li ġejjin.
Id-Deputat Prim Ministru Borg u d-Deputat Prim Ministru Abdullah bin Zayed iddiskutew ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Golf, kif ukoll l-iżviluppi kontinwi fil-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ fuq u l-Afrika sub-Saħarjana.