Saturday, December 21, 2024

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jiltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awstralja Penny Wong

Id-dijaspora Maltija fl-Awstralja tkompli tiżgura relazzjonijiet mill-qrib bejn iż-żewġ pajjiżi

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu taħditiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awstralja Penny Wong, fil-marġini taċ-CHOGM 2024, f’Samoa, din il-ġimgħa.

Wara storja twila ta’ emigrazzjoni, il-komunità Maltija fl-Awstralja tibqa’ l-akbar dijaspora Maltija fid-dinja li tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet diplomatiċi u kulturali mill-qrib bejn iż-żewġ pajjiżi.

Id-Deputat Prim Ministru Borg u l-Ministru Wong iddiskutew ir-relazzjonijiet stabbiliti bejn iż-żewġ pajjiżi u ddiskutew ukoll il-kollaborazzjonijiet li għaddejjin bħalissa f’diversi fora multilaterali, inklużi n-Nazzjonijiet Magħquda u l-Commonwealth. Huma skambjaw ukoll fehmiet fuq oqsma ta’ interess komuni, fosthom is-sigurtà marittima, il-koperazzjoni fuq l-iżvilupp ta’ stati gżejjer żgħar (SIDS) kif ukoll sħubijiet ekonomiċi u kummerċjali.

“Aħna fiduċjużi li r-relazzjoni eċċellenti tagħna mal-Awstralja se tkompli tikber fil-futur, b’mod partikolari permezz ta’ skambji bejn il-popli u fil-promozzjoni tal-lingwa Maltija mad-dixxendenti tal-emigranti Maltin,” qal id-Deputat Prim Ministru Malti, filwaqt li żied jgħid li “Malta tibqa’ interessata li taqsam fehmiet u ideat fattibbli biex tiffaċilita konnessjonijiet eqreb bejn il-popli tagħna.”

Iż-żewġ ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew ukoll il-potenzjal għal aktar flussi ta’ kummerċ, b’aktar opportunitajiet għal interazzjonijiet produttivi bejn dawk konċernati fil-qasam kummerċjali taż-żewġ pajjiżi. F’dan ir-rigward, il-Ministru Borg esprima t-tama tiegħu li l-ostakli attwali li qed iżommu lura l-konklużjoni tal-ftehim kummerċjali UE-Awstralja jiġu indirizzati kemm jista’ jkun malajr.

F’Samoa, id-Deputat Prim Ministru Borg mexxa d-delegazzjoni Maltija ta’ diplomatiċi f’diversi laqgħat ta’ livell għoli bħala parti mis-27 Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth (CHOGM), kif ukoll f’taħditiet bilaterali ma’ xi stati membri tagħha.

Il-Ministru Borg iltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru ta’ Antigua u Barbuda, Gaston Browne, biex jiddiskutu kollaborazzjonijiet li għaddejjin bejn iż-żewġ stati gżejjer, inkluża l-implimentazzjoni tal-ftehim tal-2024 għall-istabbiliment taċ-ċentru globali ta’ informazzjoni għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda fuq il-baħar, kif ukoll kollaborazzjonijiet potenzjali bejn iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Istati Żgħar tal-Commonwealth f’Malta u ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Iżvilupp tal-Gżejjer Żgħar ġdid f’Antigua u Barbuda.

Malta kellha wkoll taħditiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Bahamas Fred Mitchell, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Kummerċ Barrani tal-Ġamajka Kamina J. Smith, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Maldivi Abdulla Khaleel, kif ukoll il-Kummissarju Għoli ta’ Barbados fir-Renju Unit Milton Innis.

Ekonomija

Sport