Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, indirizza l-Kumitat Permanenti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), li ltaqa’ l-Belt Valletta, il-Ġimgħa filgħodu, ftit jiem wara l-bidu tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Kumitat Permanenti tal-PACE jiġbor fih għadd ta’ membri parlamentari li jaġixxu f’isem l-Assemblea sħiħa bejn Sessjoni Plenarja u oħra. Il-laqgħa tal-Ġimgħa ġabet f’Malta l-President u l-Viċi Presidenti tal-Assemblea, kif ukoll iċ-chairpersons tad-delegazzjonijiet parlamentari mis-46 pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa, u ċ-chairpersons tad-disa’ kumitati u ħames gruppi politiċi tal-istess Assemblea.
Fl-indirizz tiegħu lill-Kumitat Permanenti, fl-irwol tiegħu bħala l-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, Dr Borg stqarr li Malta qed tibda din il-Presidenza fi żminijiet ta’ sfidi, hekk kif l-Ewropa qed tiffaċċja pressjoni dejjem tikber fuq il-multilateraliżmu, filwaqt li l-fiduċja fil-kapaċità tad-diplomazija li tegħleb sfidi globali kumplessi qed tonqos. Spjega li aktar ma tiżdied id-diżinformazzjoni, aktar qed jiġu mhedda l-valuri prinċipji Ewropej – id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt – kemm minn forzi esterni, kif ukoll interni.
Din is-sitwazzjoni, kompla jgħid, tikkonferma mill-ġdid is-sinifikat tal-impenn dejjiemi ta’ Malta fil-multilateraliżmu. “Il-prinċipji tad-djalogu u r-rispett reċiproku, li ilna nħaddnu fil-politika barranija tagħna għal ħafna snin, huma meħtieġa llum aktar minn qatt qabel. Mhux biss fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, iżda wkoll bejnietna l-pajjiżi membri, u anke ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet oħrajn,” stqarr Dr Borg.
Spjega li l-gwerra ta’ aggressjoni fl-Ukrajna, fuq art Ewropea, tikkonferma mill-ġdid it-tnawwir tal-prinċipji f’dawn l-aħħar snin. “U huwa proprju għalhekk li l-Presidenza Maltija se tkompli tpoġġi lill-Ukrajna fuq nett tal-aġenda, sabiex b’mod attiv tappoġġa kull sforz lejn paċi sħiħa, ġusta u dejjiema.”
Dr Borg tkellem ukoll dwar il-prioritajiet tal-Presidenza Maltija, fosthom il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-istampa, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, is-setgħa liż-żgħażagħ, il-ħidma kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, kif ukoll il-ħarsien tat-tfal.
“Mill-atroċitajiet tal-gwerer sat-tbatijiet siekta tal-vjolenza sesswali, l-isfruttament u l-ispustjar minn arthom, it-tfal iġorru t-tbatijiet tal-kriżijiet li tagħhom m’għandhomx ħtija,” qal Dr Borg, hekk kif sostna li, “Il-ħarsien sħiħ tagħhom għalhekk huwa obbligu legali, responsabbiltà politika, iżda ferm aktar minn hekk, ħtieġa morali imperattiva.”
Il-laqgħa tal-Ġimgħa kienet indirizzata wkoll minn Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta. Waqt il-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru Borg kellu wkoll taħditiet ma’ Theodoros Roussopoulos, il-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.