Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, fl-irwol tiegħu bħala l-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, iltaqa’ mal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy, għall-iffirmar tal-ftehim storiku li jistabbilixxi t-Tribunal Speċjali dwar ir-Reat ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna.
Dr Borg ippreseda ċ-ċerimonja tal-iffirmar l-Erbgħa filgħaxija, fi Strasburgu, bil-President Zelenskyy u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, jiffirmaw il-Ftehim Bilaterali, li jikkonferma mill-ġdid id-determinazzjoni tal-Kunsill lejn il-ġustizzja u l-kontabilità għall-poplu Ukren.
Dan l-iżvilupp seħħ jum wara li d-Deputat Prim Ministru Malti mexxa sessjoni straordinarja tal-Kumitat tal-Ministri, li approvat l-iffirmar ta’ dan il-ftehim bilaterali b’maġġoranza assoluta.
Dr Borg esprima s-sodisfazzjon ta’ Malta f’dan it-tragward daqstant importanti. “Huwa unur kbir għalija li dan il-pass qed jittieħed taħt il-Presidenza Maltija,” hu stqarr, filwaqt li spjega li “wara t-terminu tagħna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-Presidenza tal-OSCE, kif ukoll wara li ospitajna t-taħditiet tal-Ukraine Peace Formula fl-2023, Malta għal darb’oħra qed tpoġġi lill-Ukrajna fuq nett tal-aġenda multilaterali tagħha. Iċ-ċerimonja tal-lum tirrifletti l-impenn deċiżiv ta’ Malta lejn il-ġustizzja u l-kontabilità għall-Ukrajna, u d-dedikazzjoni tagħna lejn il-liġi internazzjonali,”
“Dan it-tribunal qed jindirizza waħda mill-aktar vjolazzjonijiet gravi tal-liġi internazzjonali: ir-reat tal-aggressjoni. U se jagħmel dan billi jiżgura li dawk li għandhom il-poter, ma jinħbewx warajh. Ser jinżammu responsabbli – mhux permezz tar-ritaljazzjoni, iżda permezz tal-liġi. Mhux bil-vendetta, iżda bil-ġustizzja amministrata b’mod ekwu, skont il-proċessi adegwati,” sostna d-Deputat Prim Ministru.
Il-Ftehim jirrappreżenta l-qofol ta’ tliet snin ta’ negozjati legali u diplomatiċi kumplessi mmexxija minn Grupp ta’ Ħidma ffukat fuq din il-ħidma, bi kważi 40 stat u istituzzjonijiet internazzjonali ewlenin, taħt it-tmexxija tal-Ambaxxatur Ukren Anton Korynevych, bl-appoġġ mill-awtoritajiet Ukreni, l-Unjoni Ewropea, u diversi istituzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa.
Iż-żjara tal-President Zelenskyy fi Strasburgu l-Erbgħa filgħaxija seħħet fi żmien ta’ eskalazzjoni fl-aggressjoni militari Russa, b’uħud mill-aktar attakki qattiela minn mindu bdiet l-invażjoni fl-24 ta’ Frar 2022.
It-Tribunal Speċjali qed jimla vojt li għal ħafna snin ħalla nuqqas fit-twettiq tal-ġustizzja kriminali internazzjonali. Filwaqt li jikkumplimenta l-isforzi tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, it-Tribunal se jindirizza speċifikament il-kriminalità ta’ aggressjoni – att li spiss ma jiġix ipproċessat minħabba limitazzjonijiet legali. It-Tribunal se japplika s-saltna tad-dritt fil-ġurisdizzjoni territorjali Ukrena, filwaqt li jgawdi appoġġ u koperazzjoni transreġjonali aktar wiesgħa.
Dan l-iżvilupp jifforma parti mill-impenn tal-Kunsill tal-Ewropa għall-irkupru u l-ġustizzja fl-Ukrajna. Ser jibni fuq ix-xogħol kontinwu tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-Reġistru tad-Danni tal-Kunsill tal-Ewropa, li diġà rreġistra aktar minn 34,000 talba.
Fiż-żmien li ġej, il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa se tiffoka fuq il-ħidma biex dan it-Tribunal jibda jopera, filwaqt li tkompli tappoġġja lill-Ukrajna permezz ta’ inizzjattivi multilaterali, fosthom Claims Commissionimsaħħa, u t-twaqqif ta’ Fond ta’ Kumpens.