Thursday, March 20, 2025

Id-Deputat Speaker jindirizza l-konferenza dwar l-aġġornamenti tal-proġett “Wellbeing Index” 2025

Aqra wkoll

Dalgħodu, id-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati, David Agius, indirizza l-konferenza nazzjonali dwar l-aġġornamenti tal-proġett “Wellbeing Index” 2025. Din il-konferenza laqqgħet flimkien esperti, akkademiċi, u uffiċjali mill-qasam tal-politika u s-soċjetà ċivili biex jiddiskutu l-benesseri tal-pajjiż minn perspettiva aktar wiesgħa, lil hinn mill-ekonomija biss. David Agius enfasizza kif dan il-proġett hu kruċjali biex joffri stampa ċara ta’ kif in-nies qed jgħixu u x’jista’ jsir biex titjieb il-kwalità tal-ħajja f’Malta.

Fl-indirizz tiegħu, Agius saħaq fuq l-importanza tal-proġett “Wellbeing Index”, li ilu erba’ snin jiġbor data dettaljata dwar il-benesseri tal-poplu Malti. “Dan il-proġett huwa wieħed innovattiv, għaliex mhux biss jiffoka fuq il-PGD u l-ekonomija, iżda janalizza wkoll aspetti kruċjali bħall-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-impatt ta’ fatturi soċjali u ambjentali. Din it-tip ta’ riċerka tgħinna nifhmu aħjar il-bżonnijiet tal-poplu u nagħtu prijorità lill-miżuri li jtejbu l-benesseri f’pajjiżna,” qal id-Deputat Speaker Agius.

Agius temm id-diskors tiegħu billi għamel referenza għall-ekonomista rinomat Richard Layard, li qal: “As politicians, if there is one statistic we should care about, it’s the one that tells us how people feel.” Huwa żied jgħid li “illum qed nagħmlu proprju dan – nisimgħu l-polz tal-poplu biex nifhmu aħjar il-bżonnijiet tiegħu u nfasslu politika li tagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna.”

Il-preżentazzjoni dwar l-aġġornamenti ewlenin tal-proġett tressqet mill-Prof. Marie Briguglio, il-Prof. Joel Azzopardi, u s-Sa Natalia Mangion. Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Prof. Alfred J. Vella, mid-Direttur fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, is-Sur Matthew Zerafa, kif ukoll mill-Fundatur u Chairperson tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.

Għal din il-konferenza attendew diversi membri miż-żewġt naħat tal-Kamra tad-Deputati, rappreżentanti minn għaqdiet mhux governattivi kif ukoll rappreżentanti minn dipartimenti tal-Gvern, kollha b’impenn li jkomplu jaħdmu favur titjib fil-benesseri tal-poplu Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport