Nhar it-Tlieta beda l-proċess tal-appell kruċjali mill-politikanta Franċiża u kap tal-partit tal-lemin estrem Marine Le Pen kontra s-sentenza tal-qorti ta’ Pariġi li pprojbixxietha milli tikkontesta għal kariga pubblika għal ħames snin.
Le Pen, ta’ 57 sena, instabet ħatja s-sena l-oħra li wżat ħażin fondi tal-Unjoni Ewropea. Hija tinsisti li ma wettqet l-ebda irregolarità iżda jekk l-appell jikkonferma l-projbizzjoni tagħha mhux se tkun tista’ tikkontesta l-elezzjoni presidenzjali tal-2027.
Qabel sar l-appell, il-President tal-partit tagħha, ir-Rally Nazzjonali, Jordan Bardella, qal li l-projbizzjoni ta’ Le Pen mill-elezzjoni tkun ta’ tħassib kbir għad-demokrazija fi Franza. Bardella ddikjara li mhux se jikkontesta għall-presidenza s-sena d-dieħla iżda minflok se jfittex il-kariga ta’ prim ministru.
Il-proċess fil-Qorti tal-Appell se jdum sat-12 ta’ Frar iżda deċiżjoni mhix mistennija tingħata qabel is-sajf, ferm qabel l-elezzjoni presidenzjali tas-sena d-dieħla.
Il-każ tas-sena l-oħra kien iċċentrat fuq akkużi li Le Pen, flimkien ma’ aktar minn 20 persuna prominenti oħra tal-partit, impjegaw assistenti li ħadmu fuq l-affarijiet tal-partit RN minflok għall-Parlament Ewropew u tħallsu minn fondi Ewropew.
L-imħallef, Bénédicte de Perthuis, li kienet iddeċidiet il-każ iddikjarat li Le Pen kienet fil-“qalba tas-sistema” li rat l-iżvijar ta’ €2.9m f’fondi Ewropej.
Le Pen ingħatat sentenza ta’ erba’ snin ħabs – b’sentejn sospiżi u sentejn jiġu skontati b’tikketta elettronika minflok taħt kustodja. Hija kienet ikkundannata tħallas ukoll multa ta’ €100,000 u ġiet ipprojbita milli tfittex kariga pubblika b’effett immedjat.
Aktar minn 20 persuna tal-RN instabu ħatja wkoll fil-proċess tas-sena l-oħra u l-partit ġie ordnat iħallas multa ta’ €2 miljun, b’nofs l-ammont sospiż.
It-tama ta’ Le Pen hi li l-qorti tal-appell tħassar il-verdett tal-Qorti Inferjuri u tnaddaf isimha u tkompli t-triq tagħha biex tikkontesta għall-ogħla kariga fi Franza għar-raba’ darba. Iżda, jekk titlef l-appell tista’ tiffaċċja sentenza ta’ ħabs saħansitra itwal.



