Il-battalja fil-belt Ukrena ta’ Sievierodonetsk hija waħda brutali u se tiddetermina d-destin tar-reġjun tad-Donbas. Qal dan il-President Ukren Volodymyr Zelenskiy hekk kif it-truppi Russi komplew iwettqu offensiva bla ħniena bil-għan li jieħdu l-kontroll totali tal-Lvant tal-Ukrajna.
Wara li ma rnexxilhomx jieħdu l-kontroll tal-kapitali Kiev, ir-Russja tefgħet ħarsitha fuq il-Lvant tal-Ukrajna u qalet li hija “se teħles” lir-reġjun tad-Donbas. Fil-Lvant tal-Ukrajna lura fl-2014 separatisti appoġġjati mir-Russja kienu nqatgħu mill-kontroll tal-gvern Ukren, u ftit qabel bdiet l-invażjoni Russa, Moska kienet irrikonoxxiet l-indipendenza tagħhom.
Fi stqarrija permezz ta’ vidjo, il-President Ukren qal li din il-battalja hija waħda brutali u probabbilment l-iktar waħda diffiċli li kien hemm s’issa matul din il-gwerra. Huwa tenna li Sievierodonetsk għandha l-epiċentru fil-kunflitt ġewwa d-Donbas u qal li probabbilment id-destin ta’ dan ir-reġjun se jkun deċiż bil-ġlied ġewwa din il-belt.
Fl-aħħar sigħat kien hemm rapporti li l-ġellieda Ukreni rtiraw lejn il-fruntieri ta’ din il-belt, iżda wiegħdu li se jibqgħu jiġġieldu sal-aħħar. Il-President Ukren qal li r-Russja qiegħda tuża mortars, artillerija u rokits u qal li f’dawn l-attakki ntlaqtet infrastruttura ċivili. Min-naħa tagħha r-Russja ċaħdet li hi qiegħda tattakka nies ċivili.
L-ambaxxatur Ukren għall-Istati Uniti meta kien qiegħed jitkellem ma’ CNN qal li t-truppi Ukreni huma fi żvantaġġ numeriku kbir f’Luhansk u Donetsk li kollettivament jifformaw ir-reġjun Donbas. Huwa iżda tenna li l-istess kif ġara fi Kiev, territorju mitluf jista’ jerġa’ jinkiseb lura. Huwa qal li r-Russja m’għandhiex titħalla tieħu l-kontroll totali ta’ dawn it-territorji.