Friday, December 27, 2024

“Id-dimensja hija kiefra għax tara l-għeżież tagħna qishom jisparixxu mill-identità tagħhom” 

Il-President ta’ Malta waqt il-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja

Aqra wkoll

Il-President George Vella qal li l-kefrija tad-dimensja hija li tara l-għeżież tagħna bħal donnu jisparixxu mill-identità tagħhom.

Waqt is-serata ‘Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja’, il-President Vella qal li mingħajr iljieli ta’ rikonoxximent bħal dawn, x’aktarx li ma napprezzawx biżżejjed id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji kbar li jwettqu persuni li jaħdmu f’kull settur tal-kura tad-dimensja fosthom qraba, professjonisti u organizzazzjonijiet li jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja.

Il-president wera t-tama li l-esperti jsibu tarf ta’ x’qed iwassal biex l-għadd ta’ persuni bid-dimensja qed jiżdied b’mod allarmanti.

“Hija xi ħaġa li tkiddek meta tara li fil-qasam mediku saru avvanzi enormi bħalma sar fil-kardoloġija pereżempju, imbagħad tara li għandek xi ħaġa oħra li qiegħda teħodlok l-identità u taffettwalek il-mortalità,” qal il-President Vella.

Is-Sinjura Miriam Vella, Chairperson tal-bord tal-għażla tal-‘Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja’, qalet li għal din it-tielet edizzjoni l-bord irċieva 26 nominazzjoni, ferm iktar milli kien qed jistenna.

“In-nies nominati kollha ħaqqhom kull tifħir u ringrazzjament għax-xogħol li qed jagħmlu mal-persuni bid-dimensja. Tgħallimt ħafna minn dan il-proċess għaliex in-nomini kienu rakkonti ta’ esperjenzi ta’ nies minn għajnejn ħaddieħor, għajnejn ta’ nies li qed jaraw u japprezzaw l-isforzi li qed tagħmlu mal-qraba jew klijenti,” qalet is-Sinjura Vella waqt li appellat biex niftakru wkoll f’persuni oħrajn li ma ġewx nominati.

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li hu stmat li f’Malta, 6,071 individwu kellhom id-dimensja fl-2015 u hekk kif il-popolazzjoni tkompli tixjieħ, l-għadd ta’ nies bid-dimensja mistenni jiżdied li għal madwar 10,000 persuna sal-2030.

“Ilkoll għandna nkunu grati għall-ħidma li jagħmlu l-persuni li jmissu mal-qasam tad-dimensja. Il-paċenzja, l-imħabba u d-dedikazzjoni hija xi ħaġa imprezzabbli u bl-għemil ġenwin tagħhom ma’ dawn il-persuni, qed jagħmlu ġest notevoli immens,” qal il-Ministru Abela.

Ekonomija

Sport